Internazzjonali

Lejn taħditiet storiċi bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq

 

Kien hemm żvilupp drammatiku għall-kriżi mal-Korea ta’ Fuq fost rapporti li l-President Amerikan, Donald Trump, qed iħejji għal taħditiet storiċi mal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, sa Mejju li ġej.

Sadanittant, diversi sorsi fl-Istati Uniti esprimew ruħhom sorpriżi bl-iżvilupp, bis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson, isostni li ‘wieħed se jkollu jistenna għal xi ġimgħat’ għall-organizzazzjoni ta’ laqgħa fuq dan il-livell. Tillerson, li kien qed jitkellem waqt vjaġġ fi Djibouti, irrimarka wkoll dwar ‘il-bidla drammatika fl-atteġġjament tal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq’.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump faħħar ‘il-progress kbir’ li sar fil-konfront tal-kriżi mar-reġim fi Pyongyang, iżda, fl-istess ħin, għamilha ċara li s-sanzjonijiet attwali se jibqgħu effettivi għall-Korea ta’ Fuq.

Ir-rappreżentanti tal-Korea t’Isfel, aktar qabel, kienu aġġornaw lill-President Trump dwar il-laqgħa li huma kellhom din il-ġimgħa ma’ Kim Jong-un. Huma qalu, fost oħrajn, li l-Mexxej Korean komunista ‘issa hu impenjat għal proċess ta’ denuklearizzazzjoni’.

Il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, fl-ewwel kummenti tiegħu, qal li l-aħbar dwar il-laqgħa ‘imminenti’ bejn Trump u Kim Jong-un ‘tista’ titqabbel ma’ miraklu’. Hu kompla li jekk Trump u Kim jiltaqgħu tassew wara li jkun sar summit bejn il-Korej, ‘l-impenn għad-denuklearizzazzjoni sħiħa tal-peniżola Koreana jista’ ikun xprunat fid-direzzjoni t-tajba’.

Iċ-Ċina – alleata tal-Korea ta’ Fuq – ukoll kellha kliem pożittiv għall-iżvilupp u sostniet li l-kwistjoni dwar il-peniżola Koreana ‘ issa tidher li qabdet it-triq it-tajba’. Kelliema għall-Gvern f’Beijing, fl-istess ħin, sejħu biex ‘in-naħat interessati juru kuraġġ politiku’.

 

It-taħditiet storiċi li għandhom isiru bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq huma mill-aktar delikati, iżda jekk jirnexxu, hemm kull possibbiltà li tonqos it-theddida ta’ gwerra nukleari fil-Peniżola Koreana.

Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li l-laqgħa bejn Trump u Kim Jong-un ‘għandha tintuża biex ‘il quddiem tinfetaħ triq lejn it-tkomplija ta’ proċess diplomatiku totali’.

Dan waqt li l-Unjoni Ewropea sostniet li l-aħbar dwar it-taħditiet storiċi bejn Trump u Kim Jong-un ‘jagħtu lok għal ottimiżmu’. Fl-istess ħin, kelliema għall-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalu li pajjiżhom se jkompli xorta waħda jwettaq pressjoni fuq il-Korea komunista.