Lokali

It-Tnejn tingħata l-aħħar tislima lil Charles Miceli; attivist kontra l-faqar

Charles Miceli, li miet fl-eta’ ta’ 68 sena se jingħata l-aħħar tislima nhar it-Tnejn li ġej, fid-08:45, fil-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar.

Il-mewt għall-għarrieda ta’ Charles Miceli ħasdet għexieren ta’ persuni, l-aktar dawk fil-faqar jew batuti, hekk kif Miceli kien jaħdem bla waqfien favur il-fqir u min hu batut.

Hu tkellem din il-ġimgħa stess dwar il-problema tal-faqar f’Malta u b’mod speċjali il-problema tal-kirjiet.

Wara l-aħbar tal-mewt ħarġu diversi stqarrijiet b’kondoljanzi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddeskriva lil Charles Miceli bħala eroj tas-soċjeta’ tal-lum. Bniedem li dejjem ġab lil ħaddieħor l-ewwel.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li Malta tilfet wieħed mill-aqwa ulied li qatt rat fil-qasam tal-ġustizzja soċjali. Il-President sostniet li Charles Miceli ħadem bla qies, b’risq il-fqar u l-vulnerabbli f’pajjiżna. “Għażiż Charles, grazzi ta’ ħidmietek, u ta’ l-ispirazzjoni li tajt favur dawk bla vuċi f’pajjiżna. Kondoljanzi minn qalbi, lil martu u lil bintu, u l-familja tagħhom, f’dan il-mument ta’ dieqa”, tenniet il-President ta’ Malta.

Il-PartitNazzjonalista fi stqarrija sellem il-memorja ta’ Miceli u kien deskritt bħala raġel ta’ prinċipji sodi li għalih l-ikbar interess dejjem kien il-fqir u l-batut qabel kull interess politiku.

Charles Miceli ħadem favur il-persuni l-aktar vulnerabbli u dawk li jgħixu fil-faqar b’mod speċjali permezz tal-Alleanza kontra l-Faqar, li hu waqqaf. Huwa kien ukoll attiv fil-kwistjoni taż-żieda fil-prezzijiet tal-kirjiet tal-propjetà u attiv ukoll f’setturi oħra fost mal-Caritas.

Il-Partit Nazzjonalista jagħti l-kondoljanzi lil martu Pauline, uliedu u l-familja kollha tiegħu.

 

Caritas Malta, li magħha Charles Miceli kien jaħdem bla waqfien volontarjament għal dawn l-aħħar 30 sena, fi stqarrija esprimiet is-sogħba tagħha. Ħadem bla waqfien kontra l-inġustizzji soċjali, kien ta’ tarka għall-persuni fil-periferija tas-socjetà u ħadem bla heda ma’ u għal dawk bla vuċi.

Id-direttur, l-istaff, il-voluntiera u r-residenti ta’ Caritas Malta, sellmu l-memorja ta’ dan “il-Ġentlom”.

L-attivisti tal-Moviment Graffitti fi stqarrija esprimew ix-xokk tagħhom għall-aħbar tal-mewt ta’ Charles Miceli. L-attivisti sostnew li huma ixxukjati u bla kliem. Il-Moviment Graffitti ddeskriva lil Charles Miceli bħala figura ċentrali fil-ġlieda għall-ġustizzja soċjali.

L-attivisti qalu “M’għandniex kliem sabiex niddeskrivu l-vojt li ħalla Charles, mhux biss fuq livell politiku, imma anke dak emozzjonali. Charles kien ta’ ispirazzjoni għalina lkoll; xellugin, attivisti u dawk kollha li jemmnu li dinja aktar ġusta hija possibbli. Sal-ġurnata tal-lum, konna għadna qed niġġieldu flimkien sabiex ikun hawn regoli fil-kera f’Malta, u s-sena li għaddiet konna qegħdin nikkampanjaw flimkien għal paga minima diċenti. Charles kien persuna qalbha tajba u ġenwina. Dejjem għex fil-prattika l-prinċipji li kien iħaddan, jgħin lil min għandu bżonn filwaqt li jiġġieled għal bidla soċjali, politika u ekonomika.”

L-attivisti tal-Moviment Graffitti sostnew, “Ninsabu mdejqa, bid-dmugħ f’għajnena u orfni. Charles, it-telfa tiegħek iġġiegħlna nħossuna mitlufa. F’dan il-punt nistgħu biss nwiegħduk li l-ispirtu tiegħek, l-għatx għall-ġustizzja soċjali u l-attivizmu, jibqa’ jgħix fina lkoll.”

ARA: L-intervista tiegħu ma’ Net TV