Tfajla ta’ 23 sena mill-Iklin tinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident li seħħ fis-6 ta’ dalgħodu hekk kif tilfet il-kontroll tal-vettura tagħha fi Triq Għajn Riħana f’Burmarrad.
Il-vittma hi mudella, Christa Formosa, li sfortunatament kawża ta’ dan l-inċident sofriet ġrieħi serji inklu’ f’rasha. Dan wara li l-vettura tagħha tat-tip Ford Ka marret għan-naħa l-oħra tat-triq fejn qabdet il-bankina, qaċtet siġra u wara waqfet ma’ arblu.
Fuq il-post marru numru ta’ karozzi tal-pulizija, ambulanza u tim mediku biex jagħtu l-ewwel assistenza. It-tfajla ttieħdet lejn l-isptar Mater Dei biex tirċievi aktar kura.
Dwar dan l-inċident infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija minn Donatella Frendo Dimech. L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
Fuq Facebook, kienu diversi l-ħbieb tagħha li esprimew xokk għal din l-aħbar, b’ħafna jitolbuha tkun b’saħħitha u tirkupra. Deskritta bħala ruħ twajba u tfajla tal-ġenn, fost l-oħrajn minn sħabha li kienet magħhom ftit tal-ħin qabel biex jiċċelebraw għeluq snin ħabibtha.
//= $special ?>