Lokali

Corporate ID Group jħabbar l-inizjattiva ‘Advocacy for Legacy’

Corporate ID Group jħabbar it-tnedija ta’ ‘Advocacy for Legacy’, inizzjattiva ġdida ta’ attiviżmu ażjendali għat-tisħiħ tas-soċjetà (Corporate Social Advocacy li indirizzata lejn it-tfal li huma f’riskju minħabba traskuraġni emottiva, psikoloġika u materjali. Dan huwa proġett innovattiv li jġib flimkien protagonisti mid-dinja tal-kummerċ, l-akkademja, l-volontarjat, u l-professjonijiet sabiex jikkontribwixxu b’mod kollettiv u kostruttiv.

Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Corporate ID Group Jesmond Saliba qal li ‘Advocacy for Legacy’ qed tintroduċi lil Malta għall-kunċett ta’ Attiviżmu Ażjendali għat-Tisħiħ tas-Toċjetà (CSA), li jmur lil’ hinn minn Corporate Social Responsibility (CSR).

L-interess ta’ CSA huwa fi kwistjonijiet ta’ natura soċjali u fuq perjodu twil ta’ żmien. “Illum drajna bi programmi ta’ CSR li jappoġġjaw proġetti li jeżistu diġà, imma CSA trid iġġib azzjoni strateġika u konkreta intiża li tinfluwenza policies u timplimenta programmi f’oqsma speċifiċi, f’dan il-każ it-tisħiħ soċjali, b’mod partikolari t-tfal,” spjega s-Sur Saliba.

‘Advocacy for Legacy’ se tniedi forum li jġib ‘il quddiem il-ħarsien soċjali permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib minn akkademiċi, persuni fl-industrija, għaqdiet non-governattivi, u persuni oħra li jfittxu li jindirizzaw sfidi soċjali b’mod iffukat u studjat.

L-ewwel fażi se tikkonċentra fuq riċerka akkademika mill-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, fejn grazzi għal sensiela ta’ riċerka mill-istudenti tal-Fakultà, soċjologi u esperti fil-ħarsien tat-tfal se jidentifikaw u janalizzaw dawk il-kwistjonijiet li jeħtieġu azzjoni preventiva immedjata fil-faxex soċjali kollha.

Bil-parteċipazzjoni tas-settur tan-negozju, il-kumpaniji se jkollhom l-opportunità li joffru lill-ħaddiema tagħhom modi konkreti kif jgħinu lill-vittmi tat-traskuraġni, b’mod speċjali dawk it-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ trobbija mhux xierqa minħabba pressjoni finanzjarja, abbuż ta’ sustanzi, u ċirkostanzi diffiċli oħra li jxekklu l-iżvilupp tat-tfal.

Se jkun hemm ukoll is-sehem importanti tal-għaqdiet volontarji li huma diġà attivi u jaħdmu fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-ħsieb huwa li titwaqqaf fondazzjoni bl-għan li jiġu żviluppati inizjattivi li jindirizzaw lil dawk fil-periklu minn traskuraġni soċjali jew ekonomika.

Il-Fondazzjoni se tikber f’aġent ewlieni li flimkien mal-protagonisti ewlenin (kemm il-Gvern kif ukoll għaqdiet non-governattivi) se jiffaċilitaw u jimplimentaw azzjonijiet li jassiguraw li s-progress ekonomiku ta’ pajjiżna jirriżulta f’titjib soċjali.

“Huwa ta’ sodisfazzjon li, fi żmien relattivament qasir, irnexxieli ngħaqqad miegħi 40 professjonist u issa lkoll lesti biex insalpaw,” tenna s-Sur Saliba.

It-tim iġib flimkien, u fi gradi varji ta’ ingaġġ, imprendituri, soċjologi, professjonisti fil-qasam tal-kura tat-tfal, esperti mis-settur tal-volontarjat li jaħdmu b’riżq it-tfal, rappreżentanti minn numru ta’ korpi kostitwiti, professjonisti minn dixxiplini oħra relatati, u attivisti favur it-tisħiħ soċjali.

Saru wkoll taħditiet formali mal-għola istituzzjonijiet tal-pajjiż sabiex ‘Advocacy for Legacy’ titqies bħala s-sieħeb li jikkumplimenta u jgħin lill-istat f’dan il-qasam importanti. Il-Membri tal-Parlament Ewropew Maltin Miriam Dalli u Roberta Metsola taw ukoll il-kunsens u l-appoġġ tagħhom għal din il-viżjoni u se jaħdmu flimkien sabiex it-tema tat-tfal, li hija l-pern ta’ din l-attività, titla’ fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea.

Corporate ID Group huwa ġabra ta’ speċjalisti f’dixxiplini diversi li flimkien iġibu għarfien u valur miżjud lill-klijenti tagħhom. Riċentement, l-istess Corporate ID Group nieda Diplomatique.Expert  – pjattaforma għar-riċerka u l-analiżi ta’ xejriet kuntestwali immexxi minn forum uniku ta’ esperti, ħassieba, u persuni ta’ awtorità b’oqsma varji.

Il-kumpanija ta’ komunikazzjoni strateġika fi ħdan Corporate ID Group, Corporate Identities, tiggwida u tassisti lill-klijenti sabiex jimplimentaw programmi ta’ CSA. Jesmond Saliba spjega li l-kumpanija diġà rat il-potenzjal ta’ CSA hija u taħdem ma’ organizzazzjonijiet bħal Express Trailers, Microsoft, u Malta Institute of Accountants, u qal li “għalkemm ‘Advocacy for Legacy’ hija mossa kuraġġuża u ambizzjuża, din hija wkoll żvilupp naturali wara 25 sena esperjenza fil-qasam tal-komunikazzjoni, involviment fil-volontarjat, relazzjonijiet ta’ ħbiberija u professjonali. Advocacy for Legacy taspira li tkun aġent ta’ bidla u ta’ ħolqien ta’ legat fit-tul.

It-tim jinkludi lil: Prof. Andrew Azzopardi, Dr. Albert Bell, Alison Bezzina, Rebecca Bonnici, Matthew Borg, Peter Borg, Dr. Maria Brown, Josef Bugeja, Dr. Kevin Camilleri, Tonio Cuschieri, Kenneth De Martino, Dr   Chris Deguara, Pier Luca Demajo, Anthony Ellul, Sara Ezabe, Joe Farrugia, Matthew Fenech, Dr. Olga Finkel, Dr. Ramona Frendo, Karl Galea, Sean Gravina, Isabelle Micallef Bonello, David Grech, Romina Grech Fenech, Maleck Haj Moussa, Dr. Roberta Lepre, Anthony Mamo, Nathanael Muscat, Carolyne Portelli, Tony Sammut, Brian Schembri, Kevin Schembri, Jo Christine Scicluna, Oliver Scicluna, Amy Talbot, Aneta Turek, Odrick Vella, James Vella Clark, Winston Zahra Jr, Lawrence Zammit, il-Perit David Zahra u professjonisti oħrajn mill-qasam edukattiv u dak mediku.

Jesmond Saliba irringrazzja wkoll lill-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, talli aċċettat li tkun il-patrun ta’ din l-organizzazzjoni, u qal li il-President kien fost dawk li bi kliema u għemilha ispiratu sabiex ikun aktar sensittiv għall-bżonnijiet ta’ din kategorija mportanti f’pajjiżna, li spiss l-għajta tagħhom tintilef, u għalhekk jeħtieġu vuċi b’saħħitha.

Din l-istruttura ser tinkludi Kumitat Ċentrali, Kumitat Eżekuttiv, u Kunsill li jirrappreżenta is-setturi kollha fis-soċjetà. Ladarba l-Fondazzjoni tiġi mwaqqfa, se jiġi appuntat ukoll Bord ta’ Trustees.

Dawk interessati f’dan il-proġett huma mitluba jagħmlu kuntatt permezz ta’ engage@advocacy4legacy.org.