Lokali

FILMAT: Il-PN irid pensjonijiet xierqa għal kull anzjan u anzjana

“Jekk hemm anomalija fil-pensjonijiet tal-Membri Parlamentari din trid tiġi rranġata, iżda l-ikbar obbligu li għandu Joseph Muscat huwa li jsaħħaħ il-pensjonijiet tal-anzjani kollha.” Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq dan meta kien qed jindirizza attività fl-Msida. Huwa kkwota statistika tal-Eurostat li turi kif aktar minn 22,000 tal-anzjani Maltin u Għawdxin jinsabu fir-riskju tal-faqar.

Dr Delia stieden lil Joseph Muscat biex minn għada stess jibda d-diskussjoni biex il-pensjonijiet jissaħħu. Dan għaliex għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabbli li fis-soċjetà jkun hawn anzjani li jgħixu fil-faqar għaliex l-anzjani jixirqilhom l-aħjar.

Adrian Delia qal li jekk il-Gvern mhu se jagħmel xejn, se jkun il-Partit Nazzjonalista li se jibda d-diskussjoni għaliex l-anzjani għandhom jingħataw ir-rispett li jistħoqqilhom mhux b’karità iżda bi dritt. Qal li l-anzjani baqalhom ħafna x’joffru fis-soċjetà tagħna.

Adrian Delia għamel referenza għall-istatistika li turi kif il-persuni li jinsabu fir-riskju tal-faqar żdiedu b’4,000 u sal-2016 kienu jammontaw għal 85,000. Huwa qal li filwaqt li l-Gvern jgħid li dan huwa l-aqwa żmien, hawn persuni li mhux ilaħqu sal-aħħar tax-xahar u għalhekk il-missjoni politika tal-Partit Nazzjonalista se tkun li ntejbu l-kwalità tal-ħajja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Charles Miceli u ddeskrivieh bħala bniedem li dejjem ħadem qatigħ favur il-foqra u l-batut.

Dr Delia tkellem dwar l-abort u ddeskriva kif Joseph Muscat irid ineħħi l-protezzjoni għat-tarbija fil-ġuf mil-liġi tal-vjolenza domestika. Il-Partit Nazzjonalista jrid li Joseph Muscat jagħmilha ċara jekk hux se jdaħħal l-abort f’Malta. Adrian Delia għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista huwa u se jibqa’ kontra l-abort u se jkun il-Partit Nazzjonalista se jiddefendi t-tarbija fil-ġuf.

Dwar in-nisa, Adrian Delia qal li l-Gvern għandu jara li ma jkollhomx ostakli biex jikkontribwixxu fis-soċjetà u fil-politika. Huwa sostna li dawk in-nisa li jagħżlu li jaħdmu fid-dar għal uliedhom u l-familja jridu jingħataw ir-rikonoxximent li jistħoqqilhom.

Ara l-attività politika sħiħa: