Ambjent Lokali

Residenti inkorlati għall-Gvern li jrid jagħmel inċineratur li jaħraq il-plastik

Residenti fl-akkwati tal-Magħtab f’nofs din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument u wrew id-diżappunt kbir tagħhom – anzi preċiżament ir-rabja kbira li għandhom – għall-Gvern li flok issokta fuq il-politika li wiret dwar l-iskart, issa twebbel li jimponi inċeneratur massiċċ li saħansitra, se jkun qed jaħraq il-plastik.

Ir-residenti qalulna li fi żmien il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, is-sitwazzjoni tar-residenti fl-akkwati tal-Magħtab kienet tjiebet ħafna, tant li anki l-irwejjaħ kienu naqsu drastikament.

Qalulna li l-Magħtab taffettwa b’mod dirett lir-residenti tal-madwar, jiġifieri dawk li joqogħdu l-Madliena, Baħar iċ-Ċagħaq, il-Għargħur, partijiet min-Naxxar, is-Swieqi u xi drabi anki Pembroke. Qabel ma saret il-landfill, kienet l-ordni ta’ kull jum li r-residenti jkunu effettwati mid-dħaħen u l-irwejjaħ, li tiġġenera miżbla kbira bħal din.

Madankollu wara li l-Gvern Nazzjonalista kien investa fil-landfill, is-sitwazzjoni kienet tjiebet ħafna għaliex ħafna mill-irwejjaħ u d-dħaħen kienu kważi nqatgħu għalkollox.

Issa sar magħruf li l-Gvern għandu din l-intenzjoni li jiżviluppa dan l-inċeneratur li se jkun saħansitra, qiegħed jaħraq ukoll il-plastik. Din is-sitwazzjoni se twaddab lura kollox għal li kien, bil-vittmi jkunu l-istess residenti tal-inħawi.

Huma qalulna li diġà fl-aħħar xhur, kienu qed iħossu u jaraw s-sitwazzjoni tiddeġenera fil-miżbla tal-Magħtab fis-sens li fiha, qed jintefa’ minn kull tip ta’ skart: minn skart domestiku għal skart industrijali u l-inħawi spiss qed jintlaqtu minn irwejjaħ insapportabbli li fil-verità kienu nqatgħu.

Ir-residenti li tkellmu ma’ il-mument, komplew li huma urtati u rrabjati ħafna li mingħajr ħadd ma kellimhom u mingħajr ħadd ma kkonsulta magħhom, se jkun żviluppat dan l-inċeneratur għaliex, kif saru jafu mill-midja, it-tali inċeneratur li jaħraq il-plastik, jipproduċi emissjonijiet tossiċi fl-arja u eventwalment, dawn jikkaġunaw ħafna ħsara fl-ambjent.

Huma żiedu jgħidulna li mill-informazzjoni li għandhom, imkien ma jeżisti inċeneratur li jaħraq il-plastik mingħajr ma jikkawża ħsara lil saħħet il-bniedem.

Huma komplew li mbagħad hemm aspett ieħor li wieħed irid jagħti kas: l-aspett tal-valur tal-proprjetà, fejn appena l-Gvern jimbarka fuq l-iżvilupp ta’ dan l-inċeneratur – li qed jingħad li jrid jitlesta sal-2023 – allura l-proprjetà u l-investimenti tagħhom fl-inħawi se jitilfu ħafna mill-valur tagħhom.

Ir-residenti qalulna li l-Gvern qabel ma imbarka fuq dan il-proġett, messu tkellem magħhom. Mhux sew li l-Gvern b’dan l-inċeneratur, se jkun qed jattakka lil saħħet in-nies bl-emissjonijiet li dan l-inċeneratur se jkun qed jitfa’ fl-arja u mhux sew anqas li l-Gvern b’dan l-inċeneratur, se jkun qed idewweb il-valur tal-proprjetà ta’ mijiet ta’ nies.

Ir-residenti temmew jgħidulna li huma għad għandhom it-tama li l-Gvern jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu u fil-każ kollu, jirbaħ is-sens komun għall-ġid tal-pajjiż u tar-residenti kollha fl-inħawi li matul is-snin, li għaddew diġà sofrew ħafna u mhux sew li issa jkunu esposti għal dan il-periklu ġdid.