Futbol Sport

Manchester Utd eliminati miċ-Champions League

Kontra kull mistenni Sevilla eliminaw lil Manchester Utd miċ-Champions League b’rebħa ta’ 2-1 biex għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom għaddew għal mal-aħħar tmienja ta’ din il-kompetizzjoni. Man Utd, minkejja li bdew favoriti li jikkwalifikaw wara li kienu ġew draw 0-0 fl-ewwel leg fi Spanja, dejjem kellhom ir-riskju li jaqilgħu gowl f’darhom li jkun kruċjali u fil-fatt hekk seħħ u mhux talli sofrew gowl wieħed imma tnejn.

Wieħed irid jgħid li Man Utd qatt ma kienu perikolużi kemm fl-ewwel leg u anke fil-partita tal-lejla u Sevilla skurjaw fil-mument opportun. Kwarta mit-tmiem l-Ispanjoli fetħu l-iskor meta Wissam BEN YADDER irċieva ballun u fajjar xutt fil-baxx li għeleb lil De Gea.

Man Utd kienu maħsuda b’dan il-gowl u Sevilla skurjaw ieħor erba’ minuti wara u reġa’ kien BEN YADDER li għeleb lil De Gea b’daqqa ta’ ras.

Kien biss wara dan il-gowl fejn Man Utd stenbħu u sitt minuti mit-tmiem LUKAKU naqqas id-distakk imma kien tard wisq.
Din kienet it-tielet telfa ta’ Man Utd f’51 logħba li lagħbu f’Old Trafford taħt it-tmexxija tal-manager Jose Mourinho.
Fil-partita l-oħra, għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar 10 snin Roma kisbu post mal-aħħar tmienja taċ-Champions League hekk kif eliminaw lil Shakhtar Donetsk.
Dan wara li fl-Olimpico rebħu 1-0 wara li fl-ewwel leg barra minn darhom kienu tilfu 2-1 u b’hekk kien kruċjali l-gowl li skurja Under fl-ewwel leg fl-Ukrajna, gowl li jiswa’ doppju.

L-uniku gowl li skurjaw Roma lbieraħ wasal fit-52 minuta meta DZEKO skurja b’gowl mill-viċin.

Jispikka l-konfront fil-Camp Nou
L-Erbgħa jkunu magħrufa l-aħħar żewġ timijiet li se jilagħbu fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League hekk kif Barcelona jilqgħu lil Chelsea fit-tieni leg tal-fażi tal-aħħar 16 u Bayern Munich jilagħbu barra minn darhom kontra Besiktas.

Bla dubju l-aktar konfront li jispikka se jkun dak fi Spanja wara li l-ewwel leg fi Stamford Bridge bejn Chelsea u Barcelona ntemmet fi draw ta’ 1-1. Dan l-iskor bla dubju jpoġġi lill-Katalani favoriti li jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss.

Fi tmiem il-ġimgħa Barcelona għelbu lil Malaga 2-0, anke jekk kellhom lil Lionel Messi nieqes minħabba li kien jinsab ma’ martu li kien għad kemm kellha tarbija. Ir-ritorn ta’ Messi fil-logħba tal-lejla bla dubju se jkun importanti għal Barcelona. Fil-fatt Messi, fl-ewwel leg skurja għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu f’disa’ konfronti li lagħab kontrihom.

Jekk kemm-il darba Barcelona jikkwalifikaw ikunu qed jilagħbu fil-fażi tal-aħħar tmienja għall-11-il darba konsekuttiva.

Barcelona se jkunu qed jilagħbu kontra tim li fi tmiem il-ġimgħa, f’partita valida mill-Premiership, rebħu 2-1 kontra Crystal Palace. Barcelona se jkollhom jgħaddu mingħajr Andres Iniesta li hu mweġġa’ filwaqt li Chelsea se jkollhom lil Ross Barkley li hu mweġġa’.
Il-logħba l-oħra tal-lejla mistennija tkun bla storja wara li fl-ewwel leg Bayern Munich kienu rebħu 5-0 kontra Besiktas.

L-aħħar żewġ timijiet li jikkwalifikaw mal-aħħar tmienja jkunu jafu l-avversarji li jmisshom meta nhar il-Ġimgħa li ġej jittellgħu l-poloz.