Ewropa Lokali Qtil Politiku Unjoni Ewropea

“M’hemmx provi sodisfaċjenti ta’ residenza” – Frans Timermans dwar il-bejgħ tal-passaport Malti

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans
"Iċ-Ċittadinanza għandha tingħata biss b'konnessjoni ġenwina mal-poplu Malti"

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, ilmenta bil-qawwa dwar kif qed jitħaddem il-programm tal-bejgħ tal-passaport Malti. Dan meta kien qed jindirizza laqgħa tal-kumitat LIBE t-Tnejn filgħaxija fi Strasburgu. Saħaq li min qed jixtri ċ-ċittadinanza mhux jippreżenta provi sodisfaċenti li qed jgħix f’Malta. Huwa għalhekk li ċ-ċittadinanza Maltija għandha tingħata abbażi ta’ rabta ġenwina mal-poplu Malti.

Timmermans irrimarka li Malta implimentat id-direttiva tal-ħasil tal-flus 6 xhur tard, meta l-Gvern Malti kellu jimplimenta din id-direttiva lura f’Ġunju li għadda. Bħala regolatur tad-direttiva, il-Viċi President tal-Kummissjoni saħaq li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjari teħtieġ tonora l-obligi tagħha, hekk kif tħasseb mhux ftit li Pilatus Bank u Nexia BT għadhom b’liċenzja biex joperaw fl-Unjoni Ewropea.

Il-kriminalità organizzata kienet ukoll fuq l-aġenda fid-diskors ta’ Timmermans hekk kif qal li dawn il-kriminali huma l-iktar aġenti tal-ekonomija li jifhmu kif jaħdem is-suq intern sabiex joperaw b’perfezzjoni liema bħalha. Kull informazzjoni relatata ma’ dan il-qasam għandha tinqasam ma’ aġenti oħra madwar l-Unjoni Ewropea li jiġġieldu din il-kriminalità.

L-awtoritajiet Maltin għandhom jindirizzaw bl-ikbar serjetà kull nuqqas inkwetanti u stqarr li mhuwiex biżżejjed li l-Gvern Malti jissieħeb mal-Uffiċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku. Fid-dawl tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huwa appella lill-Gvern Malti għall-investazzjonijiet indipendenti fuq il-każ u lill-awtoritajiet tal-pajjiż sabiex jassiguraw lill-poplu Malti li qed jagħmlu minn kollox biex il-ġustizzja tidher li qed issir.

Intervjenew fil-laqgħa l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista, David Casa u Roberta Metsola. Huma laqgħu d-dikjarazzjoni ta’ Timmermans li qed jikkunsidra bil-qawwa li tiġi mplimentata miżuri anti-SLAPP sabiex jissalvagwardjaw l-ġurnalisti u tieqaf din l-intimidazzjoni. Huma rrimarkaw kif id-demokrazija hija suprema u huma l-korruzzjoni u l-impunità li joqtlu l-istess demokrazija.

F’interventi oħra fil-laqgħa, għadd ta’ MEPs rrimarkaw kif bosta Ministri Slovakki qed jerfgħu r-responsabbiltà politika u morali ta’ dak li ġara fil-pajjiż meta sa 5 xhur wara f’Malta, mhu qed jiġri xejn minn dan. Ħareġ ukoll kif il-kumitat LIBE kkollabora mal-EUROPOL fl-investigazzjonijiet fuq Malta għaliex ma setgħux jibbażaw biss fuq x’intqal mill-awtoritajiet lokali.

Fil-kummenti konklussivi tiegħu, Frans Timmermans qal li għandu jintwera rispett lil kull min joħroġ tellief f’kwalunkwe elezzjoni għaliex l-avversarji politiċi mhumiex għedewwa. Evalwa jekk humiex il-politiċi stess li jinstigaw din l-intimidazzjoni fuq il-ġurnalisti billi jixtruhom jew isiktuhom sabiex isalvaw ġildhom. Dan il-ħsieb dittatorjali jaf ikollu konsegwenzi koroh ħafna ‘l quddiem fuq l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.