Lokali Parlament

Tkompli d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Media u l-Malafama

#MartinAgius #PhotoJournalist #Photographer #Photography #Photo #Image #Pic #Malta

Waqt seduta tal-Kumitat Permanenti għall-Kunsiderazzjoni ta’ Abbozzi tal-Liġi kompla jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Media u l-Malafama.

Wieħed mill-klawsoli li qanqal l-ikbar diskussjoni kien l-esklużjoni għad-dritt ta’ risposta fl-aħħar dibattitu fi skeda ta’ dibattiti ta’ qabel l-elezzjoni. L-abbozz kien qed jipproponi li jkun eskluż id-dritt ta’ risposta fl-aħħar dibattitu ta’ qabel l-elezzjoni minħabba l-possibilità li dan id-dritt ikollu jingħata f’jum is-silenzju ta’ qabel il-ġurnata tal-elezzjoni.

Kienu d-Deputati Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia li opponew bil-qawwa din il-klawsola. Huma saħqu li wieħed ma jistax iċaħħad lil xi ħadd minn dritt ta’ risposta lejlet l-elezzjoni. Din il-klawsola, saħqu ż-żewġ deputati tal-Partit Nazzjonalista, effettivament tkun tfisser li kulħadd jingħata l-liċenzja li jgħid li jrid lejlet l-elezzjoni. Id-deputati fakkru wkoll li l-aħħar dibattitu politiku qed isir l-Erbgħa u għaldaqstant dan iħalli l-jum tal-Ħamis bħala l-jum li fih tista’ tingħata d-dritt ta’ risposta.

Wara diskussjoni bejn il-membri fi ħdan il-kumitat, intlaħaq ftehim biex titneħħa l-esklużjoni tad-dritt ta’ risposta u li għandha tkun l-Awtorità tax-Xandir li għandha tiddeċiedi kif għandu jingħata d-dritt ta’ risposta wara l-aħħar dibattitu ta’ qabel l-elezzjoni.

Punt ieħor li għadu ma ntlaħaqx ftehim fuqu huwa dwar il-klawsola tad-dritt tal-eredi li jħossuhom malafamati b’dikjarazzjonijiet fuq l-axxendent tagħhom. Il-punt diskuss kien dwar jekk għandux jitħalla l-perjodu ta’ 10 snin wara l-mewt tal-persuna li matulu l-eredi jistgħu ifittxu d-drittijiet tagħhom wara li jħossuhom malafamati. Id-Deputat Karol Aquilina saħaq li l-memorja tal-persuna ma għandux ikollha żmien bil-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ma jaqbilx u jgħid li jekk jitneħħa l-perjodu ta’ 10 snin dan se jkun ifisser ksur tal-espressjoni ħielsa.

Minħabba li s-seduta kellha tiġi sospiża għal jum ieħor, intlaħaq ftehim li dan il-punt ikompli jiġi diskuss fis-seduta li jmiss li se ssir it-Tnejn 9 ta’ April meta mistenni li tkun konkluża d-diskussjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi.