Lokali

FILMAT: Ċensu Tabone jibqa’ mfakkar għall-istil biex iżomm l-għaqda

Fl-14 ta’ Marzu 2012, il-poplu Malti u Għawdxi nħasad bl-aħbar li miet il-President Emeritus Ċensu Tabone.

Sitt snin wara, NET News tkellem ma’ Helen Farrugia Randon, bint Ċensu, u żewġha Philip. Huma ddeskrivew lil Ċensu bħala bniedem bil-valuri, għalkemm ‘open-minded’, u li kien iħobb l-għaqda anke ma’ dawk li ma kienx jaqbel magħhom.

Serva fil-Partit Nazzjonalista bħala Segretarju Ġenerali u aktar tard bħala Viċi Kap, kif ukoll bħala Ministru b’ diversi responsabbiltajiet taħt Gvernijiet Nazzjonalisti differenti. Imbagħad temm il-karriera pubblika tiegħu bħala President ta’ Malta.

Iżda fuq kollox, Ċensu kien missier, nannu u bużnannu. Kien l-imħabba ta’ ħajjet martu Marija, li ltaqgħet miegħu fl-età żgħira ta’ 15-il sena. Minn dakinhar, hi baqgħet dejjem viċin tiegħu, anke fiż-żminijiet politiċi diffiċli u minkejja l-ħinijiet twal li kienet tieħodlu l-politika.

Helen u Philip jirrakkontaw kif sal-aħħar mumenti, Marija baqgħet qrib żewġha u id f’id miegħu sakemm ħalla din id-dinja. U sal-lum, fl-età ta’ 98 sena, Marija għadha tħares lejn ir-ritratt ta’ żewġha li għandha qrib is-sodda tagħha u titfagħlu bewsa.

Helen irrakkontat kif il-politika tellfitu mill-professjoni tiegħu, iżda tiftakru jgħid li ma jiddispjaċihx għax seta’ juża’ l-politika b’dedikazzjoni lejn il-pajjiż u n-nies.

Qabel ma daħal fil-politika, hu kien diġà Tabib speċjalizzat fuq l-għajnejn, tant li kien dak li sab il-kura għat-trakoma, li tista’ twassal biex persuna titlef id-dawl. L-istudji tiegħu għadhom jiġu kkwotati sal-lum mill-Professjonisti fl-Istati Uniti, filwaqt li kien l-ewwel Tabib impjegat mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Għas-settur tal-Mediċina fiċ-Ċina nazzjonalista, hu baqa’ magħruf bħala “The Miracle Father”.

Bħala bniedem li jħobb il-familja, Ċensu baqa’ jagħmel kuntatt ma’ ommu kuljum, sakemm mietet fl-età ta’ 94 sena. U fil-Palazz ta’ San Anton, l-impjegati kienu jħarsu lejh daqslikieku missierhom.

Staqsejna lil Helen u Philip x’kienu d-delizzji ta’ Ċensu u qalulna li kellu għal qalbu l-veloċità waqt is-sewqan u karozzi moderni għal dak iż-żmien. Staqsejna dwar ritratt parikolari ta’ Ċensu u Marija rekbin jet skii, b’Philip jispjega dak li ġara dakinhar.

Ta’ 82 sena, Ċensu Tabone beda juża’ għall-ewwel darba l-kompjuter. Iżda l-età ma qatgħetlux qalbu, tant li baqa’ sakemm tgħallem kif jikkomunika bl-emails ma’ qraba li jgħixu barra.

Helen tispjega wkoll kif missierha ma kien isegwi l-ebda dieta jew taħriġ fiżiku. Madankollu, kien dejjem jagħżel l-istess platti tal-ikel.

Sitt snin wara, Malta kollha terġa’ ssellem lil Ċensu Tabone, li mexxa Presidenza li ħadmet għar-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali.