Uffiċjal għoli ta’ YouTube indika li qed isir xogħol biex il-YouTubers Maltin jibdew jitħallsu għall-materjal li jtellgħu online, u b’hekk, Malta tiġi bħal pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Enrico Bellini, uffiċjal ta’ YouTube, żvela dan meta kien qed jikkummenta ma’ NET News fil-bidu ta’ attività organizzata mill-MEP Francis Zammit Dimech fejn esperti barranin minn YouTube taw taħriġ b’xejn lil żgħażagħ Maltin li jużaw YouTube.
“Qed naħdmu fuqha. Ma nistax nikkommetti ruħi għalissa, imma li nista’ ngħid hu li din l-attività turi li hemm committment pożittiv lejn YouTube. Kif jgħidu bl-Ingliż: ‘Stay tuned’!”, qalilna Enrico Bellini.
Sa issa, channels Maltin ta’ YouTube ma jitħallsux, anke jekk ikollhom ħafna subscribers u views. Dan b’kuntlarju għal dak li jiġri f’pajjiżi oħra.
Pereżmpju, Stella Cini għandha 150,000 abbonat fuq iċ-channel tagħha ta’ YouTube, fejn fuq bażi regolari ttella’ videos li jarawhom eluf kbar ta’ persuni.
“Għażilt YouTube flok platforms oħra bħal Instagram jew Facebook għax inħobb noħloq videos mix-xejn. Anke l-videos li tagħmel fuq perjodu ta’ żmien, juruk il-progress li tkun qed tagħmel”, qaltilna Stella.
Għat-taħriġ li ġie offrut kompletament b’xejn, attendew mal-150 persuna.
F’kummenti ma’ NET News, l-MEP Francis Zammit Dimech qal li din l-attività għamilha Malta f’impenn biex il-YouTubers Maltin jibdew jitħallsu bħal barranin għall-videos li jtellgħu online.
“Għalija din tkompli turi kemm qegħdin fi żmien diġitali, u allura s-sistema ta’ komunikazzjoni bejnietna nbidlet minn dik li konna nafu sa ftit snin ilu. U n-nies iridu jkunu jafu aktar kif din il-komunikazzjoni diġitali taħdem, u kif jużawha għalihom”, qal Francis Zammit Dimech.
It-talba biex YouTubers Maltin jiddaħħlu fil-YouTube Partner Program bdiet b’petizzjoni onlien mill-YouTuber Fabian Borg. Petizzjoni li kienet iffirmata minn aktar minn 3,700 persuna, fosthom il-Prim Ministru Malti.
//= $special ?>