Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Sliema jwettqu rimonta

Keane Cutajar

ĦAMRUN S………………………………………..2
SLIEMA W……………………………………….3

Fil-konfront ta’ bejn it-timijiet li qegħdin fis-seba’ u tmien post tal-klassifika, kienu Sliema li ħarġu rebbieħa f’partita li offriet ħames gowls.

Sliema kienu darbtejn minn fuq u darba minn taħt f’logħba fiżikament kumbattuta sa mill-ewwel sekondi.
Wara tliet minuti Ħamrun resqu viċin għal darba tnejn tlieta iżda l-ewwel b’sejv tajjeb ta’ Glenn Zammit u wara permezz tad-difensuri tagħhom Sliema ħelsuha ħafif u żammew l-iskor xejn b’xejn meta saħansitra kellhom ukoll ballun maqluh minn fuq il-linja permezz ta’ Stefano Bianchardi.

Sliema rrispondew bi freekick mil-lemin ta’ Ricardo Calisto li għadda minn ġo kulħadd qabel spiċċa f’idejn Steve Sultana jsalva.

Il-Wanderers fetħu l-iskor fil-21 minuta bi ġmiel ta’ freekick tas-solitu Matias MUCHARDI li spara fl-anglu u ma ta l-ebda ċans lil Sultana.

Erba minuti wara, Ħamrun ġabu d-dro wara nuqqas ta’ komunikazzjoni mid-difiża Slimiża u żball ta’ Zammit li wassal il-ballun f’saqajn Arthur FARIA MACHADO li minn barra l-kaxxa lemah lasta vojta u tefa’ ġewwa.

Żewġ minuti biss wara, l-Ispartans dawwru r-riżultat u marru 2-1 minn fuq meta Lydon Micallef kien stupend daħal tajjeb fil-kaxxa mix-xellug u minn din il-pożizzjoni angolata prova jixħet lejn in-nofs, ballun li ħabat mal-ponta taż-żarbun ta’ Kurt Shaw qabel daħal fix-xibka.

Fl-40 minuta Frank Temile venven fil-baxx lejn il-lasti xutt li deher ħasad xi ftit lil gowlkiper Ħamruniż iżda l-ballun għadda ftit barra.

Tliet minuti wara, reġa’ kien Temile din id-darba bir-ras li reġa falla il-mira bi żbrixx.
It-tim ta’ John Buttigieg zgur li ma setgħux jiftħu t-tieni taqsima aħjar u reġgħu dawru r-riżultat favurihom f’tempt ta’ ftit minuti. L-ewwel b’freekick identiku tal-ewwel gowl tagħhom kien Ricardo CALISTO li spara fir-rokna.

Tliet minuti wara, Daniel Zerafa waqqa lil Frenci Qeros fil-kaxxa u Darryl Agius saffar għal penalty. MUCHARDI tefa’ lis-Slimiżi għal darb’oħra minn fuq hekk kif mill-11-il metru ma żbaljax.

Fit-72 minuta kien Edmond Agius li għamel spazju għalih innifsu qabel ittanta xortih b’xutt li kien imblukkat tajjeb minn Sultana.