Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-iżvilupp ekonomiku għandu jimxi id f’id mar-realtajiet soċjali – David Casa

Mill-arkivji: L-MEP David Casa jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu

“L-iżvilupp tal-ekonomija għandu dejjem jimxi id f’id mar-realtajiet soċjali. Lil hinn mill-politika tal-populiżmu, l-Unjoni Ewropea trid tagħraf is-saħħa u anke n-nuqqasijiet fis-sistemi tagħha u tikkoreġihom.” Dan qalu l-MEP David Casa waqt li kien qed jieħu sehem f’dibattitu fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

David Casa – li hu l-Koordinatur tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali – qal li l-politiċi għandhom dejjem jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema, u jagħmlu dak kollu possibbli biex l-istati membri jimxu ‘l quddiem.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qal ukoll li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha għolja ħafna, u għalhekk l-istati membri u l-Kummissjoni Ewropea jridu jaħdmu flimkien biex itaffu u jsolvu din il-problema.