Lokali

“Soċjeta’ li taċċetta l-abort hi soċjeta’ omiċida” – L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech iddikjara li soċjeta’ li taċċetta l-abort hi soċjeta’ omiċida. Meta kien qed jindirizza l-laqgħa ġenerali annwali ta’ Dar Ġużeppa Debono, l-Isqof Grech qal li “kull meta bniedem inaddaf il-ġuf billi jneħħi l-ħajja ta’ tarbija, huwa jkun qed joqtol persuna”.

F’kummenti lis-sit Newsbook, Mons. Grech kompla li “l-argumenti favur it-terminazzjoni tal-ħajja tal-bnedmin fil-ġuf huma fake news jew parti mill-kultura post-truth.

L-Isqof ta’ Għawdex sostna li ebda raġuni ma tiġġustifika l-qtil dirett tal-bniedem. L-abort klandestin ma jissolviex billi jiġi leġittimizzat iżda billi jittieħdu miżuri soċjali li jindirizzaw il-kawżi li minħabba fihom omm tħossha kkundizzjonata li “toqtol it-tarbija fil-ġuf.”

Tenna li l-bniedem qed jgħix f’dik li sejħilha bħala “epoka ta’ dittatura tad-drittijiet, fejn dak kollu li bniedem jixtieq jew irid, qed isejjaħlu dritt ċivili”

Hu faħħar il-ħidma ta’ Dar Ġużeppa Debono favur il-ħarsien tat-tarbija fil-ġuf, liema ħidma hija meħtieġa ħafna hekk kif qed ikun hemm “vuċijiet orkestrati favur l-abort.”

L-Isqof Grech ħeġġeġ lid-Dar biex tkompli xxandar li l-ħajja umana għandha tkun imħarsa mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha u tkompli toffri kenn, akkomodazzjoni u għajnuna lin-nisa tqal, kif ukoll servizz ta’ counselling għal dawk li jinqabdu b’tarbija li ma tkunx ippjanata jew mhux b’saħħitha.