Internazzjonali

Ir-Russja: Jivvutaw f’elezzjoni li għandha tagħti mandat ieħor lil Putin

Il-poplu tar-Russja qed iħejji biex jikkonkludi l-elezzjoni għall-Presidenza li mistennija tikkonferma r-raba’ mandat ta’ Vladimir Putin fit-tmexxija tal-pajjiż.

Il-votazzjoni bdiet tard fil-lejl tas-Sibt lejn il-lvant imbiegħed tar-Russja u fetħet f’Moska  xi disa’ sigħat wara. Dan meta ‘il fuq minn 100 miljun Russu kienu eliġibbli biex jivvutaw u meta, minbarra Putin, hemm seba’ kandidati oħra li qed jikkuntestaw għall-Presidenza.

L-ewwel indikazzjonijiet mistennija joħorġu matul il-lejl, u meta Vladimir Putin qed iħares lejn mandat ta’ poter ġdid għas-sitt snin li ġejjin.

Putin qal  li hu għandu jqis bħala suċċess ‘kwalunkwe riżultat li jagħtih id-dritt biex jesegwixxi d-doveri bħala President ta’ pajjiżu’ — bil-kummenti tiegħu jixxandru fuq it-Televiżjoni nazzjonali waqt li hu kien qed jivvota f’Moska.

Ir-rivali ta’ Putin jinkludu lil Pavel Grudinin, komunista miljunarju; Ksenia Sobchak, eks-preżentatriċi tar-reality television u l-ultranazzjonalista veteran, Vladimir Zhirinovsky.

Il-kap ewlieni tal-Oppożizzjoni, Alexei Navalny, kien ipprojbit milli jikkuntesta minħabba li kien spiċċa kundannat f’każ ta’ frodi. Navalny, intant, qed jinsisti li l-projbizzjoni tiegħu ma kellhiex għajr skop politiku waqt li ħeġġeġ biex il-votanti jibbojkottjaw din l-elezzjoni. Fl-istess ħin, Navalny bagħat eluf ta’ osservaturi fil-postijiet tal-votazzjoni fejn huma jgħassu għal kwalunkwe irregolaritajiet potenzjali.

Vladimir Putin ilu mill-1999 bħala l-mexxej dominanti tar-Russja, kemm bħala President kif ukoll bħala Prim Ministru.