Lokali

Lura minn Gatwick 16-il siegħa wara li suppost waslu f’Malta

Il-passiġġieri li lbieraħ kellhom jaslu f’pajjiżna minn Gatwick, irritornaw f’Malta 16-il siegħa wara li suppost.

Dan hekk kif l-Air Malta kkanċellat it-titjira minħabba “ħtiġijiet tas-servizz” f’sitwazzjoni li wasslet biex il-linja nazzjonali tal-ajru se jkollha tħallas eluf ta’ ewro biex akkomodat lill-passiġġieri f’lukandi li hemm qrib l-ajruport, u kif ukoll biex tagħti ikel u xorb b’xejn tul il-ħin kollu li l-passiġġieri kienu maqbudin l-Ingilterra.

Filfatt, minn informazzjoni li għandu NET News, l-Air Malta kellha tagħti mal-€400 lil kull passiġġier. Iżda l-problemi ma jiqfux hawn hekk kif matul il-ġurnata mistennija iktar titjiriet fit-tard.

Fost dawn, titjira minn Frankfurt, KM 329, li kellu jasal f’pajjiżna s-Sibt fil-22:40 iżda t-titjira ġiet posposta għal 12:02 tal-għada, imbagħad għat-14:50. Dan bil-konsegwenza li l-passiġġieri qattgħu lejl żejjed fi Frankfurt, bi spiża oħra għall-Air Malta.

Anke t-titjira minn Vienna, KM 515, kif ukoll żewġ titjiriet minn Munich, waħda minnhom b’erba’ sigħat, titjira oħra minn Frankfurt, dik ta’ Gatwick u oħra minn Heathrow, b’din tal-aħħar delayed b’mill-inqas sagħtejn.

Sadattant fi stqarrija l-Air Malta qalet li din is-sitwazzjoni hi kawża ta’ ħsara teknika, diffikultajiet operazzjonali kif ukoll minħabba d-dewmien ta’ ġimgħat biex tirċievi d-disa’ ajruplan tagħha. Fid-dawl ta’ dan beda jinkera ajruplan ieħor, li madankollu ġab miegħu diversi lmenti.

Fid-dawl ta’ dan, il-kumpanija kellha titlob li jinbidel dan l-ajruplan, u mill-Ħadd filgħodu beda jintuża ajruplan ġdid.