Lokali

Ma jriduhx President għax kontra l-abort

Hemm reżistenza kbira f’Kastilja biex l-eks-Ministru George Vella ma jinħatarx President ta’ Malta hekk kif jagħlaq it-terminu tal-Eċċellenza Marie-Louise Coleiro Preca s-sena d-dieħla.

Ir-raġuni ewlenija għaliex ta’ Kastilja ma jridux lil George Vella President, hi minħabba l-oppożizzjoni miftuħa tiegħu kontra l-pjani tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li jdgħajjef kemm jista’ liġijiet eżistenti b’konsegwenza li f’Malta jidħol l-abort fis-snin li ġejjin.

Idgħajfu l-liġijiet li jipproteġu t-tarbija fil-ġuf

Waqt li kollox jindika li l-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu rieda qawwija biex b’modi jew oħra jkompli jintroduċi miżuri ġodda li bihom jiffaċilita t-terminazzjoni tat-tarbija fil-ġuf tal-omm darba l-istess omm jew ġenituri jkunu kontra tali tqala, min-naħa l-oħra l-Prim Ministru jibqa’ jinħeba wara dikjarazzjonijiet li hu m’għandux mandat biex idaħħal l-abort – dikjarazzjoni kontradittorja ma’ dak li qed jagħmel fil-Parlament fejn il-Gvern, preżenti permezz tal-Membri Parlamentari tiegħu, neħħew klawżola li tipproteġi t-tarbija fil-ġuf u vvutaw kontra emendi għall-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.

Adrian Delia b’dikjarazzjoni ċara kontra l-abort

Dwar dan tkellem bil-qawwa l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li wissa lil Gvern li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali.  Iżda minbarra Adrian Delia, tkellem ukoll l-eks-Ministru Laburista George Vella li kkritika fil-pubbliku dak li qed jagħmel il-partit tiegħu stess.

Labourleaks minn Kastilja dwar George Vella

Skont is-sorsi tagħna, id-diskors ta’ George Vella urta ferm lil ta’ Kastilja, tant li fil-‘media briefing’ intern li jsir kuljum f’Kastilja, saret referenza għal George Vella u ntqal dan il-kliem, “issa jsir President….ħalli tiġi quddiemu xi liġi u ma jiffirmahiex!”

Jidher ċar li dak li qed iħasseb lil dawk qrib ta’ Joseph Muscat li f’każ li jkun George Vella President ta’ Malta, hu jirrifjuta li jiffirma liġijiet li jdgħajfu l-ħarsien tat-tarbija fil-ġuf. Dan għaliex hu magħruf għal prinċipji sodi fil-ħarsien tal-ħajja.

Min-naħa l-oħra, qed jinġiebu min-naħa tal-Gvern diversi raġunijiet li skont huma jagħmlu l-abort mhux aktar xi ħaġa illegali iżda sempliċiment dritt tal-mara jekk tkomplix bit-tqala jew le.

Laburisti jibżgħu jitkellmu kontra l-abort

Din l-attitudni ta’ esponenti u kelliema ewlenin fi ħdan il-Gvern ta’ Joseph Muscat u anki fil-Partit Laburista, tikkontrasta bil-kbir ma’ kif jaħsbuha bosta oħrajn fl-istess Partit Laburista, iżda li qed jibbażaw jitkellmu fil-beraħ għax jispiċċaw imwarrba jew attakkati mill-‘establishment’ ta’ Joseph Muscat. Kien għalhekk li ħaduha bi kbira li tkellem l-eks-Ministru George Vella għaliex qed jibżgħu li warajh iqumu oħrajn, sostna ma’ il-mument sors ieħor li ngħaqad mal-lista dejjem tikeber ta’ ‘Labourleaks’.

George Vella ma jiffirmax liġijiet favur l-abort

Kastilja issa qiegħda f’salib it-toroq u qed tirraġuna li kemm-il darba – kif wara kollox kien maħsub u ppjanat – George Vella jsegwi lil Marie-Louise Coleiro Preca bħala l-President ta’ Malta li jmiss, allura żgur li jkun hemm diffikultajiet serji biex tali Abbozz ta’ Liġi ġdid isir Liġi minħabba li b’ċertezza li George Vella żgur li jirrifjuta li jiffirma tali dokumenti li jmorru kontra l-prinċipji tiegħu.

Fil-jiem li għaddew, diġà l-eks-Ministru Laburista ma ddejjaqx ikun voċiferu dwar dan is-suġġett u stqarr apertament li: “Il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed imur kontra l-wiegħda tiegħu meta qabel l-Elezzjoni Ġenerali ddikjara li l-abort mhux se jidħol f’pajjiżna.”

It-tabib u eks-Ministru Laburista George Vella ddikjara dan f’intervista li fiha kkritika bl-aħrax il-fatt li l-Gvern ivvota kontra emendi għall-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.

Tajjeb li wieħed japprezza li l-opinjoni tal-eks-Ministru Laburista George Vella hi identika mal-emenda mressaq mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fi stadju ta’ Kumitat. Dan il-Kumitat kien qiegħed jiddiskuti l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-vjolenza domestika, li minnu l-Gvern Laburista elimina t-tarbija fil-ġuf mid-definizzjoni ta’ familja.

Kien invista ta’ dan l-atteġġjament mill-Gvern – u fl-istess ħin turija minnu kemm hu favur id-dħul tal-abort f’pajjiżna – li  min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista ħass id-dover li mill-ġdid iressaq emenda biex it-tarbija fil-ġuf tibqa’ kkunsidrata bħala parti mill-familja.

Iżda dwar dan u fl-istess Kumitat, il-Partit Laburista vvota kontra din l-emenda f’mossa li turi li l-Partit Laburista ma jridx li t-tarbija fil-ġuf tkun meqjusa bħala parti mill-familja.

L-atteġġjament ta’ Kastilja fl-isfond ta’ kif qed jimmaturaw l-affarijiet f’dan ix-xenarju, instiga kritika qawwija minn bosta, fosthom minn organizzazzjonijiet mhux governattivi bħal-LifeNetwork Foundation Malta, iżda wkoll minn George Vella li ma ddejjaq xejn jiddikjara li: “hu dmir tagħna li nipproteġu u mhux li noqtlu t-tarbija fil-ġuf.”

George Vella, ftit ben vist minn Kastilja u xhieda ta’ dan intweriet fil-leġiżlatura preċedenti, kompla jitfa’ aktar melħ fuq il-ferita meta elenka l-fatt li l-Gvern, bit-tneħħija tar-rikonoxximent tat-tarbija fil-ġuf bħala parti mill-familja kien qed jibgħat messaġġ ħażin, messaġġ li qed imur kontra dak li qal ukoll Joseph Muscat dwar l-abort.

L-eks-Ministru Laburista George Vella saħansitra akkuża lill-Gvern li bħalissa qed issir kampanja minn taħt biex l-abort jidħol f’pajjiżna, kuntrarju għall-konvinzjoni ta’ 95 fil-mija tal-parteċipanti, ta’ etajiet differenti, kontra l-abort.

Deputati Laburisti skomdi

Sadattant, meta Netnews staqsa lid-deputati Laburisti huma u deħlin fil-Parlament, għaliex ma jridux jipproteġu t-tarbija fil-ġuf, ħadd minnhom ma kellu risposta ċara u dehru skomdi ħafna jiddefendu l-pjan ta’ Joseph Muscat. Iffaċċjati bil-kliem tal-kollega tagħhom George Vella, id-deputati Laburisti ma ħassewx li kellhom iċanfruh, anzi qalu li għandhom rispett kbir lejn l-eks-Deputat Mexxej u eks-Deputat Prim Ministru George Vella.

George Vella  jemmen bis-sħiħ li l-abort fuq l-embriju, meta t-tarbija tkun għadha żgħira, żgur mhux qed iħares il-kura tal-istess tarbija.

Kien għalhekk li George Vella appella lill-Kastilja – ċioè lill-Gvern immexxi minn Joseph Muscat u dawk ta’ madwaru – biex tħares l-interess ewlieni tat-tarbija fil-ġuf u li l-istess tarbija tingħata l-protezzjoni xierqa.

Miriam Dalli ma tkellmitx kontra l-abort

Hu għalhekk  li issa f’Kastilja qed tissaħħaħ id-deċiżjoni kontra George Vella għaliex bih bħala President ta’ Malta, Kastilja jkollha l-intoppi fil-pjan biex l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli issir il- Leader il-ġdid tal-Partit Laburista. Is-sorsi tagħna huma konvinti li b’Miriam Dalli tmexxi l-Partit Laburista, il-proposta biex jiddaħħal id-dritt tal-għażla jekk mara tridx ittemm it-tqala tagħha, jidħol żgur.

Wieħed josserva li sa issa Miriam Dalli qatt ma kienet ċara dwar il-ħsibijiet tagħha dwar l-abort, u jekk dan għandux jiddaħħal jew le f’pajjiżna. Miriam Dalli dejjem evitat li tagħmel xi dikjarazzjoni ċara dwar dan waqt li tappoġġja fil-miftuħ l-għaqdiet li qed jipproponu li jidħol l-abort.

Diġà n-Nisa Laburisti tkellmu bl-aktar mod favur il-linja li qed jieħu Joseph Muscat dwar din it-tema. Issemmew diversi każijiet dwar dan, fosthom meta l-omm tinqabad tqila għaliex tkun abbużata jew il-mira ta’ vjolenza domestika.

Fl-isfond ta’ dan kollu, kollox jindika li Joseph Muscat se jissokta bit-triq li qabad li bl-introduzzjoni ta’ aktar miżuri/emendi jiffaċilita aktar il-prattika tal-abort f’pajjiżna. Din hi l-għalqa li Miriam Dalli – kemm-il darba tkun hi fit-tmun tal-Gvern u tal-Partit Laburista – tissokta taħdem mingħajr ma tmejjel il-kappell tal-predeċessur tagħha. Sadattant, l-eks-Ministru Laburista George Vella jerġa’ jitwarrab minħabba l-prinċipji li jħaddan u li allura ma’ Joseph Muscat u Miriam Dalli jkollu jħallas prezz qares wisq.