Lokali

FILMAT: Tfajla ta’ 22 tmut wara li toħroġ f’salt mill-karozza

Il-vittma hija Jessica Micallef

Jessica Micallef ta’ 22 sena minn mir-Rabat tilfet ħajjitha f’inċident li fih ħarġet f’salt mill-karozza li kienet fiha. L-inċident fatali seħħ fi Triq ta’ Binġemma, fl-Imġarr.

Il-Pulizija qalet fi stqarrija li minn investigazzjonijiet preliminari, irriżulta li waqt li l-ġuvni, ta’ 24 sena minn Ħaż-Żabbar kien qed isuq il-vettura, il-passiġġiera, għal xi raġuni fetħet il-bieba tal-karozza u allegatament qabżet minn ġo fiha u sofriet xi ġrieħi.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar u t-tfajla mietet fuq il-post wara li fuq il-post mar tim mediku biex jassisti.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh filwaqt li l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.

Ritratt: Martin Agius

Sfortunatament, din hi t-tieni aħbar kerha f’ġurnata hekk kif ftit tal-ħin ilu tilef ħajtu sewwieq ta’ mutur li tilef il-kontroll fi Triq il-Kosta.

AĠĠORNATA: Ir-raġel li ħabat b’mutur fi Triq il-Kosta jitlef ħajtu