Lokali

FILMAT: Tidħaq u tiftaħar li rnexxielhom jidħku bin-nies

Il-Ministru Helena Dalli ma tistax tittieħed bis-serjetà għax daħket bin-nies - Għandha tgħid ċar u tond għaliex hi u Joseph Muscat iridu jneħħu l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf mil-liġi - Il-PN

Il-Ministru Helena Dalli bdiet tidħaq meta quddiem konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tkellmet dwar il-mod kif il-Partit Laburista rnexxielu jidħaq bin-nies biex idaħħal l-unjoni ċivili.

Hi kienet qed tindirizza attività tal-Kummissjoni dwar l-Istat tan-Nisa meta lil dawk preżenti qaltilhom: “Ħa nirrakkuntalkom storja”, u kompliet tirrakkonta kif il-poplu ma kienx jaf x’kellu f’moħħu l-Partit Laburista meta ġie ppreżentat il-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

“Meta konna se ndaħħlu l-unjoni ċivili fl-2014, 80% tal-poplu ma kienx favur. Imma l-maġġoranza xorta vvutatilna, għax taf int, programmi elettorali huma pakketti sħaħ, u aħna poġġejna ‘ugwaljanza’ bħala pilastru ewlieni tal-Gvern”, qalet il-Ministru Helena Dalli waqt li bdiet tidħaq.

“Ħa ngħidilkom storja” qalet il-Ministru waqt konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti

Wara li semmiet numru ta’ bidliet li għamel il-Gvern f’dan is-settur, il-Ministru Dalli żiedet li b’dawn it-tibdiliet ‘ma waqgħatx id-dinja’, u kompliet tirrakkonta l-istorja ta’ kif in-nies ivvutaw għall-unjoni ċivili mingħajr ma kienu jafu.

Il-Ministru Helena Dalli ma tistax tittieħed bis-serjetà għax daħket bin-nies – Għandha tgħid ċar u tond għaliex hi u Joseph Muscat iridu jneħħu l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf mil-liġi – Il-PN

Il-mod kif il-Ministru minn Malta bdiet tidħaq quddiem il-barranin biex tirredikola l-mod kif il-poplu Malti ma kienx jaf x’kellu f’moħħu l-Partit Laburista, wassal għal bosta reazzjonijiet, fosthom tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliema tal-PN Claudette Buttigieg u Claudio Grech, il-Partit Nazzjonalista nnota kif b’ammissjoni tagħha stess u bil-provi, daħket bin-nies f’wiċċhom, u hu huwa għalhekk leġittimu li l-poplu jistaqsi għaliex Helena Dalli u Joseph Muscat iridu jneħħu l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf. X’inhuma l-intenzjonijiet veri tagħhom? staqsa l-Partit Nazzjonalista.

Wara li l-artiklu jikxef bil-povi li l-Ministru Helena Dalli u l-Gvern ta’ Joseph Muscat daħku bil-poplu meta ħbew l-intenzjonijiet aħħarin tagħhom fil-programm elettorali tal-2013, qed jikbru d-dubji dwar l-intenzjonijiet veri tal-Gvern li qed jirrifjuta li jżomm klawsola fil-liġi dwar il-vjolenza domestika li tipproteġi lit-tarbija fil-ġuf.

Fid-diskussjoni fil-Parlament dwar il-vjolenza domestika, il-Ministru Helena Dalli baqgħet tinsisti li għandha titneħħa l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, dik tal-mara li tkun tqila meta hi tkun vittma ta’ vjolenza domestika. Anke wara li l-Oppożizzjoni ġibditilha l-attenzjoni diversi drabi u b’insistenza, il-Ministru m’aċċettatx li din il-protezzjoni terġa’ tidħol fis-seħħ.

Mal-midja, l-Ministru Dalli diġà iddikjarat ukoll li lesta tiddiskuti, wara l-appelli li saru biex jibda dibattitu pubbliku dwar l-introduzzjoni tal-abort. B’din id-dikjarazzjoni, l-Ministru Dalli qegħda terġa’ tinħeba bl-iskuża tal-ugwaljanza sabiex timbotta ‘l quddiem d-diskussjoni fuq l-abort. Dan meta l-aħħar servejs juru li 97% tal-Maltin ma jaqblux mal-abort u allura m’hawnx lok għall-introduzzjoni tal-abort f’Malta.

Skont is-Safe Life Guidelines tar-Renju Unit, “Physical violence can occur for the first time or get worse during pregnancy.” Riċerka fl-Awstralja maħruġa mill-Australian Institute of Family Studies tgħid li “women are at greater risk of experiencing violence from an intimate partner during pregnancy.”

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li la m’hemmx raġuni valida għaliex il-klawsola tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf għandha titneħħa mil-liġi eżistenti tal-vjolenza domestika, din għandha terġa’ tidħol meta l-kumitat jiltaqa’ biex jiddiskuti nhar l-Erbgha li ġej. Helena Dalli u Joseph Muscat għandhom jgħidu għalfejn ma jridux il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.