Lokali

Iktar dewmien: titjira oħra tal-Air Malta iktar minn 12-il siegħa tard

Iktar dewmien f’titjiriet tal-Air Malta. Din id-darba kien imiss it-titjira mill-ajruport ta’ Orly f’Pariġi lejn Malta tal-Ħadd filgħaxija. It-titjira KM467 kellha titlaq mill-ajruport Franċiż fis-7p.m. tal-bieraħ u kellha tasal Malta fl-9.45p.m. Madanakollu, għal xi raġuni, it-titjira għadha ma telqitx minn Orly hekk kif għaddew iktar minn 12-il siegħa mill-ħin li suppost kellha titlaq.

Passiġġieri u qraba li tkellmu ma’ Net News qalu li ftit li xejn ingħataw informazzjoni dwar x’inhu għaddej. Mill-informazzjoni li għandna jirriżulta li għal xi ħin, il-passiġġieri tħallew barra fuq il-mitjar wara li kienu għamlu iċ-check-in. L-istess sorsi qalu li matul il-lejl il-passiġġieri ttieħdu lejn lukanda. Passiġġieri qalu li damu sat-3a.m. sabiex sabu kamra.

Barraminhekk huma ma kellhom l-ebda komunikazzjoni mill-istaff tal-Air Malta dwar x’wassal għal dan id-dewmien ħlief li “se jkellmuhom filgħodu.”

Anki telefonati lill-customer care tal-Air Malta ma tantx taw informazzjoni.

Il-passiġġieri lmentaw ma’ Net News dwar l-inkonvenjent qawwi li qed jgħaddu minnu, speċjalment minħabba l-fatt li dawn jinsabu mingħajr bagalji għaliex kienu laħqu għamlu ċ-check-in. Din it-titjira hi popolari ħafna ma’ familji żgħażagħ bi tfal żgħar li jqattgħu numru ta’ ġranet f’Disneyland ta’ Pariġi.

L-Air Malta sofriet diversi dewmien f’numru ta’ titjiriet f’dawn l-aħħar ġranet fosthom ta’ Heathrow, Frankfurt u Linate ta’ Milan.

FL-AĦĦAR ĦIN: Minn informazzjoni li għandu dan is-sit, jidher li anki t-titjira KM612 lejn Fiumicino f’Ruma għaddejja minn dewmien. It-titjira kellha titlaq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ħabta tat-8a.m. għadha ma telqitx u l-passiġġieri għadhom ma ngħataw ebda informazzjoni dwar meta t-titjira mistennija titlaq.