Lokali

Priġunier diskriminat… ma jitħalliex imur jara lil ommu mejta

Priġunier f’Division 4 li nhar is-Sibt filgħodu tilef lil ommu ma tħalliex mit-Tmexxija tal-Ħabs imur jara lil ommu u jagħtiha l-aħħar tislima tiegħu.

Dan il-priġunier – Domnic Bonnici – nhar is-Sibt filgħodu kien infurmat li ommu, anzjana residenta f’San Vinċenz de Paule, kienet mietet. Hu talab li kif ġara fir-rigward ta’ priġunieri oħrajn li wkoll tilfu għeżież tagħhom, jitħalla jmur jara lil ommu f’San Vinċenz de Paule.

Bi skantament għalih u għal priġunieri oħra, it-Tmexxija tal-Ħabs ma tatux permess biex taħt skorta joħroġ mill-Ħabs u jmur jara lil ommu.

It-Tmexxija tal-Ħabs tatu biss permess biex illum jattendi għall-funeral li se jsir fil-Knisja ta’ San Duminku fil-Belt Valletta.

Ma kienx biss il-priġunier Domnic Bonnici biss diżappuntant b’din id-diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu, imma anki priġunieri u Uffiċjali tal-Ħabs li fakkruna li ftit ilu mill-Ħabs biex jattendu funeral ta’ omm Ministru, ħarġu għadd ġmielu ta’ persuni fit-Tmexxija u oħrajn Uffiċjali, bosta minnhom mingħajr anqas biss talbu permess.