Lokali

Prova jistupra żewġ Pulizija nisa f’għassa u f’karozza tal-Pulizija

Minn Mario Frendo u Matthew Mamo

Kuntistabbli żagħżugħ li ilu fis-servizz madwar tliet snin għada se jitressaq il-Qorti akkużat bi stupru fuq uffiċjali tal-Pulizija oħra.

Il-kuntistabbli għandu 27 sena u mill-informazzjoni li għandu NET News huwa stazzjonat fl-għassa tal-Imsida.

Bħalissa dan il-kuntistabbli qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija, u NET News jinsab infurmat li qed jinżamm taħt għassa kontinwa. Dan sakemm għada filgħodu jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa akkużat bi stupru u attentat vjolenti għall-pudur u fastidju sesswali fuq uffiċjali oħra.

Jirriżulta, mill-informazzjoni li għandu NET News, li mhux l-ewwel darba li dan il-kuntistabbli żagħżugħ wettaq dawn l-allegati atti. Filfatt, sorsi qrib NET News qalu li dawn l-abbużi ilhom isiru, b’waħda mill-vittmi issib il-kuraġġ li titkellem meta saret taf x’kienet għaddejja minnu kollega oħra.

Kien malli dawn iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija tkellmu flimkien, li ttieħdet id-deċiżjoni konġunta li jsir rapport formali. Mhux eskluż li waħda mill-vittmi hija kuntistabbli ta’ 19-il sena.

Minn informazzjoni oħra li waslet għan dan is-sit, jirriżulta li l-allegati abbużi saru kemm f’għassa tal-Pulizija kif ukoll ġo karozza tal-Pulizija.

Għada, dan il-kuntistabbli se jitressaq il-Qorti kemm mill-Ispettur Joseph Busuttil mit-taqsima tal-Vice-Squad kif ukoll mill-Ispettur Mark Mercieca.