Internazzjonali

Sekwestrat vapur ta’ NGO li salva l-immigranti

L-'Open Arms' fil-port ta' Pozzallo.

Il-forzi tas-sigurtà Taljani ssekwestraw vapur li jintużaw minn organizzazzjoni mhux governativa (NGO) Spanjola li tintuża biex issalva l-immigranti fil-Mediterran. Dan fuq ordni tal-prosekuturi fi Sqallija.
Il-vapur, il-Proactiva Open Arms, kien sekwestrat il-Ħadd fil-port ta’ Pozzallo. Port fejn ġurnata qabel il-vapur daħal b’216 immigrant li kien salva minn ibħra barra l-kosta Libjana.
Rapporti qalu li l-Prosekutur ta’ Katanja Carmelo Zuccaro qed jinvestiga tlett persuni minħabba suspetti li għandhom rabtiet ma’ gruppi kriminali midħla tal-immigrazzjoni illegali u fosthom hemm il-kmandant tal-vapur.
Qabel ma daħal Pozzallo, il-vapur kellu l-inkwiet mal-forzi tas-sigurtà Libjani. Il-Ħamis, il-Gwardja tal-Kosta Libjana heddet li tiftaħ in-nar fuq il-Proactiva Open Arms jek ma tneħħiex l-immigranti li kellha abbord f’ibħra internazzjonali madwar 117 kilometru barra l-kosta Libjana.
Wara mumenti ta’ tensjoni u konsultazzjoni mal-awtoritajiet Taljani, il-vapur ingħata struzzjonijiet biex ibaħħar lejn Sqallija u l-bastimenti Libjani telqu. Kien hemm omm u tarbija marida li kienu evakwati lejn Malta.