Lokali

Arrestat iċ-Chairman ta’ Pilatus Bank Ali Sadr

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jappella biex il-liċenzja ta' Pilatus Bank f'Malta tiġi sospiża

Iċ-Chairman tal-bank irreġistrat f’Malta, Pilatus Bank, ġie arrestat fl-Istati Uniti u jista’ jeħel sa 125 sena ħabs fuq akkużi li evada sanzjonijiet ekonomiċi imposti mill-Istati Uniti fil-konfront tal-Iran.

L-investigazzjonijiet juru li Ali Sadr ħoloq diversi kumpaniji u banek barra mill-pajjiż biex għadda b’$115 miljun f’kummerċ mill-Venezwela mal-Iran permezz ta’ banek fl-Istati Uniti.

Jirriżulta li t-tranżazzjonijiet finanzjarji saru bejn April tal-2011 u Novembru tal-2013. Fost l-akkużi li qed jaffaċċja Ali Sadr hemm frodi fil-konfront tal-Istati Uniti kif ukoll ksur tas-sanzjonijiet u ħasil tal-flus.

S’issa mhux magħruf jekk il-Bank Pilatus kellux xi involviment f’dan kollu. Il-bank ġie reġistrat f’pajjiżna f’Diċembru tal-2013, jiġifieri xahar biss wara l-aħħar tranżazzjoni llegali li nkixfet mill-investigaturi Amerikani.

Madankollu l-każ jaf il-bidu tiegħu fl-2004 u l-2005 meta l-Istati Uniti u l-Venezwela daħlu fi ftehim biex fil-pajjiż tal-aħħar jinbnew mas-7,000 residenza. Iżda jidher li, skont l-akkużi, Ali Sadr għamel sensiela ta’ movimenti ta’ flus biex jaħbi li l-benefiċjarji kienu filfatt persuni mill-Iran u l-Iraq li allegatament tħallsu b’pagamenti li għaddew mis-sistemà bankarja Amerikana.

Ali Sadr hu l-istess persuna li ftit ġimgħat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali nkixef minn dan l-istazzjon waqt li ħiereġ mill-bank f’Ta’ Xbiex, fis-satra tal-lejl u bil-bagalji f’idu. Dakinhar hu kien dar dawra sħiħa mal-bank sakemm daħal f’vettura ta’ kollega tiegħu, li kienet ipparkata propju quddiem il-bank.

Il-bagalji li nħarġu minn Pilatus Bank fis-satra tal-lejl

Filfatt il-midja internazzjonali qed issemmi bi prominenza dan il-fatt, anke minħabba l-akkużi li affaċċja Ali Sadr f’pajjiżna qabel l-elezzjoni. L-akkużi filfatt wasslu għal inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja li qed jindaga dwar l-operat tal-bank.

Fost l-akkużi li sarulu f’pajjiżna, fosthom mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien hemm dawk li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, kif ukoll Brian Tonna u membri tal-familja Aliyev tal-Ażerbajġan għandhom kontijiet f’Pilatus Bank. Ali Sadr naqas milli jirispondi dwar dan meta mistoqsi mill-ġurnalisti.

‘Tibqax taħsel idejk. Issospendi l-liċenzja ta’ Pilatus’ – Adrian Delia lil Muscat