Lokali

Il-Malti m’għandux ikun ilsien barrani għall-Maltin stess – il-Partit Nazzjonalista

“Ma naqblux li l-Malti jsir lingwa barranija għall-Maltin Għalhekk, fl-ispirtu ta’ dak li suppost jaqbel miegħu kulħadd u li hu wkoll imniżżel fil-liġijiet li jorbtu lill-Gvern, il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jaqbel li l-Malti jsir lingwa barranija għall-Maltin, aktar u aktar meta din it-theddida jkun qed jagħmilha l-Gvern Malti stess”.

Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għall-edukazzjoni Clyde Puli fi stqarrija li fakkar li kemm il-Kostituzzjoni kif ukoll il-Liġi dwar l-Ilsien Malti jitfgħu obbligi ċari fuq il-Gvern. Hu qal li l-Kostituzzjoni tgħid li “l-ilsien Nazzjonali huwa l-ilsien Malti” filwaqt li l-Liġi dwar l-Ilsien Malti, mgħoddija minn Gvern Nazzjonalista fl-2005 bi qbil unanimu mal-Oppożizzjoni Laburista, tgħid li “l-Malti huwa l-Ilsien ta’ Malta u element ewlieni tal-identita’ nazzjonali, huwa parti mill-wirt nazzjonali li jiġġedded ta’ kuljum fuq fomm il-Maltin”

L-Istqarrija tkompli li hemm ħafna metodi kif il-Malti jista’ jkun mgħallem lill-barranin li hawn fostna. Gvern Nazzjonalista diġà kien għamel ħafna f’dan u l-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-eluf kbar ta’ barranin li qed iġib il-Gvern – bir-rata ta’ 50,000 f’5 snin – u t-tfal tagħhom għandhom ikunu mħajjra jitħaddtu u jiktbu bil-Malti.

Madankollu, ma nistgħux naslu f’sitwazzjoni li, kif qed jesprimu b’inkwiet ħafna kummentaturi li jħobbu l-Malti, nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-Malti jsir lingwa barranija għall-Maltin stess bl-azzjoni tal-Gvern fil-mod kif jindirizza l-eżamijiet, fosthom tas-SEC. Il-Partit Nazzjonalista għamel il-Malti lingwa nazzjonali u Ewropea u qatt ma jista’ jkun favur ħaġa bħal din. Kien il-Partit Nazzjonalista li għamel lill-Ilsien Malti l-lingwa nazzjonali tagħna bil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza, li għadha l-Kostituzzjoni tagħna sal-lum kif ukoll lill-Ilsien Malti bħala lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern ikun ċar flintenzjonijiet tiegħu u jwettaq il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Liġi dwar l-Ilsien Malti. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiltaqa’ ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom ilMalti biex jorqom politika li sseddaq il-Malti fost il-Maltin waqt li ddewwaq l-ilsien Malti lill-barranin li hawn fostna biex l-ilsien nazzjonali tagħna jisseddaq ukoll fuq fommhom.