Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Espert tal-Europol kien mal-Pulizija fit-tfittxija għal Alfred Degiorgio

Dalgħodu kien hemm waħda mix-xiehda li instemgħet fil-magħluq

Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, dalgħodu komplew jinstemgħu aktar xiehda fosthom l-Ispettur Keith Arnaud u Mario Vella li hu resident fil-Bidnija.

Mis-seduta tal-lum quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sar magħruf illi l-Pulizija Maltin kienu akkumpanjati minn uffiċjali tal-Europol waqt it-tfittxijiet għat-tliet akkużati. Wieħed minn dawn il-barranin kienu jirreferu għalih bħala “Mr Israel”.

Mario Vella, resident li jgħix qrib id-dar ta’ Caruana Galizia, fisser kif dakinhar tal-karozza-bomba kien avviċinah Matthew Caruana Galizia illi beda jallega li Vella ħa xi ritratti tal-karozza bil-mobile. Vella kien tah il-mobile biex jara li dan ma kienx minnu, iżda Caruana Galizia sabbatlu t-telefown ċellulari mal-art.

Tressaq ukoll biex jagħti t-testimonjanza tiegħu xhud partikolari, li l-Qorti ordnat divjet fuq ismu. Għalhekk din ix-xiehda instemgħet fil-magħluq.

L-avukat Yanica Camilleri preżentat lill-Qorti kopja ta’ dak li ntqal mill-akkużati sakemm kienu miżmuma fid-Depot. Sorsi kienu qalu li t-tliet irġiel ftit li xejn kienu tkellmu mal-Pulizija. Ġurnali oħra rrappurtaw li lanqas lissnu kelma.

L-avukat Martin Fenech qed jidher għal Vincent Muscat, magħruf bħala il-Koħħu. William Cuschieri u Martha Muscat qed jidhru għal Alfred Degiorgio, il-Fulu.

Josette Sultana qed tidher għal George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniz.

Il-kumpilazzjoni se tissokta fit-12 ta’ April li ġej.