Lokali

Liema Prim Ministru jsiefer għal tieġ ta’ Iranjan, jekk mhux xi ħadd li għandu rabta intima miegħu?

L-aħbar li l-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu attendew għat-tieġ taċ-Chairman tal-bank Pilatus Ali Sadr, li sar f’Venezia, fl-Italja fl-2015, hija prova ċara tar-rabta intima bejn it-tlieta.

Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Governanza Tajba, Simon Busuttil, li fiha staqsa liem Prim Ministru jsiefer barra mill-pajjiż għal tieġ ta’ xi ħadd mill-Iran, jekk mhux ta’ xi ħadd li għandu rabta intima miegħu.

L-istqarrija tgħid li din ir-rabta intima bejn Joseph Muscat, Keith Schembri u l-Iranjan Ali Sadr, hija rabta perikoluża għaliex toħloq kunflitt ċar ta’ interess bejn poter u interessi finanzjarji. Din ir-rabta intima turi wkoll kemm it-taħwid kollu tal-bank Pilatus sar bil-barka ta’ Joseph Muscat. Għax filwaqt li Ali Sadr qed jaffaċċja 125 sena ħabs fl-Istati Uniti, f’Malta huwa ħabib intimu tal-Prim Ministru u ngħata protezzjoni mil-liġi.

Mhux ta’ b’xejn li Ali Sadr ma ġiex arrestat mill-Pulizija fil-lejl meta ħarab mill-bank fis-satra tal-lejl b’bagalja mimlija dokumenti. Mhux ta’ b’xejn li Ali Sadr u Pilatus Bank qatt ma ġie investigat f’Malta sura ta’ nies, anzi ingħata ċertifikat biex jibqa’ jaħdem, minkejja r-riskji kbar għal isem pajjiżna, jingħad fl-istqarrija.

Tkompli li l-Prim Ministru ħeba din ir-rabta intima għal tliet snin sħaħ meta messu ddikjara pubblikament li hu ħabib personali tal-Iranjan, u li attenda it-tieġ tiegħi minkejja li l-bank Pilatus jisemma’ f’kull skandlu marbut mal-Panama Papers u fir-rapporti tal-FIAU, li baqgħu fuq l-ixkaffa. Iżda l-Prim Ministru baqa’ sieket sakemm inkixef ilbieraħ.

Dan kollu juri li l-Prim Ministru huwa personalment responsabbli għat-taħwid kollu li ġab miegħu il-bank Pilatus u l-ħsara kbira li saret għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Sakemm Joseph Muscat jibqa’ Prim Ministru, isem pajjiżna se jibqa’ jogħdos ‘l isfel.