Ekonomija Ewropa Kummerċ Lokali Unjoni Ewropea

L-għan tiegħi hu li nsaħħaħ id-drittijiet tal-ġenituri filwaqt li nassigura l-kompetittività – David Casa

L-MEP David Casa llum ippreżenta r-rapport tiegħu dwar id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol quddiem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

Id-direttiva ta’ bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol għandha l-għan li s-saħħaħ b’mod sinifikanti d-drittijiet tal-ġenituri fl-Unjoni Ewropea, toħloq bilanċ akbar bejn il-ħajja u x-xogħol, u żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qal: “Il-ħidma tiegħi kienet iffukata biex nintroduċi miżuri li jissalvagwardjaw b’mod partikolari l-SMEs u l-intrapriżi micro. Neħħejt il-piżijiet amministrattivi u provdejt aktar flessibilità lil min iħaddem biex jieħu miżuri li jiproteġu li n-negozju tagħhom jibqa’ jitħaddem b’mod tajjeb.

Din il-liġi, li David Casa hu r-rapporteur dwarha, tintroduċi 10 t’ijiem leave mħallas lil missirijiet mat-twelid tat-tarbija, erba’ xhur ta’ leave għal kull ġenitur li jittieħdu sakemm it-tarbija jkollha ċertu età, 5 t’ijiem ta’ leave annwali tal-carer, kif ukoll id-dritt li l-ġenituri jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli.

Casa, li hu l-Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, qal: “Bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol għall-ħaddiema jżid il-produttività, jnaqqas l-użu tas-sick leave u għandu wkoll inaqqas id-differenza fl-impjiegi bejn is-sessi. Din il-liġi, b’mod konkret, se ssaħħaħ il-ħajjiet taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea, u se tkun tajba wkoll għan-negozji. Iżda rridu nassiguraw li l-piżijiet li se jinħolqu b’din il-liġi jkunu neċessarji u proporzjonati, u li l-SMEs u n-negozji micro ma jispiċċawx sfurzati. Jien nemmen li l-ewwel abbozz ta’ dan ir-rapport joħloq bilanċ. Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, se nkompli nindirizza t-tħassib tal-istakeholders biex insaħħaħ ir-rapport.”

Wara li r-rapport ta’ Casa jiġi approvat fil-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, isir vot fuqu mill-MEPs kollha fil-Plenarja. Casa, imbagħad, jirrapreżenta l-Parlament Ewropew fin-negozjati mal-Kunsill tal-Ministri.