Lokali

Mandat ta’ qbid ta’ €363 miljun fuq il-BOV

Il-BOV se jkun qed jappella mis-sekwestru kmieni l-ġimgħa d-dieħla

Il-Qorti Taljana laqgħat talba għal mandat ta’ qbid ta’ €363 miljun fuq il-Bank of Valletta, mandat li l-Bank of Valletta se jkun qed jappella dwaru kmieni l-ġimgħa d-dieħla.

It-talba ta’ mandat ta’ qbid ġiet ippreżentata fl-Italja minn likwidaturi tal-grupp ta’ bastimenti Deiulemar u rappreżentanti ta’ 13-il elf detentur li tilfu dak kollu li ġemmgħu matul ħajjithom fi skema ta’ frodi li tmur lura għas-sena 2009.

Hu mifhum li din l-iskema falliet fl-2012 b’telf ta’ aktar minn €800 miljun. Riżultat ta’ dan, seba’ persuni kienu ġew arrestati u ntbgħatu l-ħabs.

Dwar dan, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Bank of Valletta sostna li dan il-każ għadu fi stadju preliminari u li dan il-każ għadu ma nstemax quddiem it-Tribunal.

Għaldaqstant, kmieni l-ġimgħa d-dieħla, il-Bank se jkun qed jappella mis-sekwestru u se jkun qed jirrabitti t-talbiet imressqa kontrih quddiem it-Tribunal Taljan.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat kif Bank of Valletta għandu €11.8 biljun f’assi u €2.9 biljun fi flus kontanti. Għalhekk, il-Bank of Valletta m’għandux problema ta’ flus u jista’ jitrasferrixi dawn il-flus f’bank fl-Italja.

Intqal ukoll kif il-Bank Ċentrali Ewropew qed jibqa’ aġġornat dwar dak kollu li qed iseħħ dwar din l-aħbar.