Lokali TAZZA TAD-DINJA 2018

Joħroġ l-Album tat-Tazza tad-Dinja

Diversi persuni l-Erbgħa bakkru u l-ewwel ħaġa filgħodu maruu l-Belt Valletta fejn id-distributur uffiċjali tal-Panini, Anastasi, beda jqassam l-album tal-World Cup.

Tkellimna ma’ wħud minn dawk li nzertajna fil-post, fejn stajna ninnutaw minn tfal sa anzjani, tfajliet u ġuvintur, uħud eċitati tant li lanqas laħqu ħarġu mill-ħanut li ma bdewx jiftħu l-pakketti biex jaraw kif messithom ix-xorti.

World Cup partikolari hekk kif din is-sena, u għall-ewwel darba f’sittin sena, hemm nieqsa it-Taljani … għal uħud diżappunt enormi … għall-partitarji rivali f’Malta l-isbaħ ħaġa li setgħet tiġri.

Saħansitra ltqajna ma’ ġuvni mill-Venezwela, li kien minn tal-ewwel li akkwista dan l-album.

Kif jispjega s-sid tal-ħanut, Dominic Anastasi, ix-xogħol għal dan il-jum ikun ilu għaddej ix-xhur waqt li membri oħra tal-familja jkun ilom mis-sitta ta’ filgħodu jduru il-ħwienet madwar Malta jqassam l-albums u l-istickers.

Minn hawn issa jibda vjaġġ eċitanti għal ħafna – it-tpartit tal-istickers f’tellieqa għal min se jkun l-ewwel li jgħaqqad l-album bl-istess Anastasi tal-Belt li matul dan iż-żmien iservi ta’ pjattaforma fejn ħafna jiltaqgħu biex jaraw xi stickers ġodda jistgħu jakkwistaw.