Internazzjonali

Ikomplu r-rejds kontra t-terroriżmu fl-Italja

e

Fl-Italja qed tkompli l-ħidma tal-Pulizija ta’ kontra t-terroriżmu li matul din il-ġimgħa wettqu sensiela ta’ rejds u arresti b’rabta mat-terroriżmu internazzjonali.

Dan fl-istess ħin li żdiedet is-sigurtà madwar il-pajjiż, imma partikolarment f’Ruma minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi li jkunu qed isiru għall-Għid.

Federico Cafiero de Raho, il-prosekutur nazzjonali li jinvestiga t-terroriżmu, qal li hu stmat li fl-Italja hemm mal-50 ġellied barranin tal-ISIS, dawk imlaqqma foreign fighters. Hu qal li l-Italja aktar minn mira ewlenija titqies bħala pont għal pajjiżi oħra għall-ġellieda tal-ISIS.

Sadattant, fl-aħħar mewġa ta’ redjs li saru, raġel Marokkin residenti fl-Italja kien arrestat mill-forzi tas-sigurtà Taljani f’rejd mas-sebħ tal-Ħamis fir-reġjun tal-Piemonte. Dan kien identifikat bħala Ilyass Hadouz ta’ 19-il sena. Hu suspettat li kien qed ipoġġi ħafna messaġġi favur l-ISIS fuq l-Internet, fost l-oħrajn fuq il-Facebook, l-Instagram u t-Twitter.

Hu mifhum li Hadouz sar estremist Iżlamiku waħdu, l-aktar mill-videos li kien jara fuq l-Internet.
Din il-ġimgħa, il-Pulizija ta’ kontra t-terroriżmu arrestaw ħames persuni f’Ruma u Latina. Dawn kienu akkużati li kienu midħla u għenu lit-Tuneżin Anis Amri li fl-2016 kien saq trakk għal fuq folla nies waqt suq tal-Milied f’Berlin, il-kapitali Ġermaniża. F’dan l-attakk kienu nqatlu 12-il persuna.

Fil-bidu tal-ġimgħa, imbagħad, kien arrestat raġel li hu meqjus li kien il-moħħ wara l-propaganda bit-Taljan tal-ISIS.