Eluf ta’ Kattoliċi Maltin ta’ kull sena jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mifruxa madwar l-irħula u l-ibliet, waqt li oħrajn imorru jsegwu din it-tradizzjoni bil-vari u l-kostumi.
Din it-tradizzjoni, li tmur lura għal żmien il-Kavallieri, għadha fil-qlub ta’ ħafna nies. Filfatt skont statistika li ħarġet mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, jirriżulta li aktar minn 10,000 persuna jieħdu sehem fil-21 purċissjoni li jiġu organizzati madwar Malta u Għawdex.
Jingħad li din it-tradizzjoni tal-purċissjoni bil-vari ttieħdet minn Sqallija, fejn l-ewwel purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa saret fil-lokalita’ tar-Rabat, wara snin ta’ ħidma mill-patrijiet Franġiskani. Wara komplew jiżdiedu l-parroċċi li bdew jorganizzaw din il-manifestazzjoni reliġjuża fosthom fil-Belt Valletta u fl-ibliet tal-Kottonera.
Fl-antik il-purċissjoni kienet tkun ħafna aktar devota u sempliċi, b’daqq ta’ tambur u fifra. Filfatt f’dawk iż-żminijiet lanqas biss kienu jilbsu l-persunaġġi mill-Bibbja, u kienet tkun vara waħda biss li ddur dik ta’ Kristu msallab magħrufa bħala l-Vara l-Kbira.
Madanakollu, il-vari komplew jiżdiedu fejn illum saħansitra nsibu l-istatwi tal-aħħar ċena f’żewġ lokalitajiet biss. Kif ukoll, nafu li llum ħafna mill-purċissjonijiet jgħalqu bl-istatwa ta’ Kristu mejjet magħrufa bħala l-monument u Marija Addolorata.
Ta’ min jinnota wkoll li l-jiem li kienu joħorġu l-purċissjonijiet kienet differenti, u mhux minn dejjem kienu fil-Ġimgħa l-Kbira. Per eżempju, f’Ħal Qormi l-purċissjoni kienet issir f’Ħadd il-Palm, filwaqt li dawk tal-Belt Valletta u tal-Isla kienu joħorġu fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka. Madanakollu, fl-1879 l-Isqof Carmelo Scicluna kien ordna li l-purċissjonijiet kollha jsiru fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira.
Fl-antik ukoll, kien ikun hemm l-ilsiera, li jkunu kkundannati jaqdfu fuq l-iġfna tal-Kavallieri, li jilbsu mgħammda u jġorru s-slaleb bil-ktajjen – għalhekk hu possibbli li minn dan il-fatt ħarġet id-drawwa li nies li jagħmlu xi wegħda jimxu fil-purċissjoni mgħammda bil-ktajjeb ma’ saqajhom b’sens ta’ penitenza.
Din is-sena, Net Television xandar il-purċissjoni ta’ Ħaż-Żebbuġ li żarha wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Iktar kmieni żar ukoll il-purċissjoni tan-Naxxar.
//= $special ?>