Lokali

Tinstab u tinżamm arrestata xahar wara serqa ta’ deterġenti

Tfajla li għandha 29 sena u mingħajr indirizz fiss, inżammet arrestata xahar wara li serqet diversi prodotti tal-ħasil minn ħanut f’San Ġwann.

Il-Pulizija ilhom għall-aħħar xahar ifittxu lill-akkużata, mindu seħħet is-serqa, hekk kif hi m’għandiex post fiss fejn toqgħod u għalhekk ma setgħetx tinsab. Eventwalment inqabdet il-Ħamis li għadda.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, l-akkużata ammettiet li wettqet din is-serqa għal valur ta’ €70 iżda ċaħdet l-akkużi li hi riċediva. Hawn inħolqot problema hekk kif il-prosekuzzjoni ma setgħetx tippreżenta l-kondotta, l-Ispettur Trevor Micallef jilmenta li “minkejja li ninsabu fl-2018 għadna ngħixu fi żmien il-Medjuevu għax ma setax iġib il-kondotta tal-akkużata minħabba li nzertat festa pubblika.”

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona u l-Qorti li ma laqgħetx din it-talba għax tinsab f’riskju li twettaq reati oħra. Dan hekk kif l-akkużata għandha problema ta’ droga.

Filfatt hi qed tinżamm fl-Isptar Monte Carmeli fuq talba tad-difiża filwaqt li ħarġet ordni li jsir rapport qabel tingħata s-sentenza kif ukoll li tingħata trattament biex tegħleb il-vizzju tagħha.