Lokali

Bħal-lum fl-1979, l-Ingliżi ma baqgħux jużaw lil Malta bħala Bażi Militari

Illum hu l-anniversarju relatat mal-31 ta’ Marzu 1979, meta l-Gvern Ingliż għażel li ma jġeddidx il-kuntratt mal-Gvern Malti u b’hekk, pajjiżna ma baqax jintuża’ bħala Bażi Militari mir-Renju Unit.

Il-Gvern Laburista, dak iż-żmien immexxi mill-Perit Mintoff, kien iddikjara dan il-Jum bħala Festa Nazzjonali u għal din l-okkażjoni, stieden biss mexxej barrani wieħed lill-eks Dittatur Libjan Muammar Gaddafi.

Fl-1974, il-Prim Ministru Mintoff kien ġedded il-kuntratt mal-Ingliżi għal ħames snin biex pajjiżna jibqa’ jintuża’ bħala Bażi Militari. U appena l-kuntratt ma reġax iġġedded, fil-31 ta’ Marzu 1979, l-aħħar Bażi Militari Ingliża telqet minn Malta.

Minħabba li din is-sena nzertat fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-attivitajiet relatati ma’ dan il-Jum inżammu fil-jiem li għaddew.