Lokali

Għada jingħata bidu għall-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa

F’Jum il-Għid ser jingħata uffiċjalment bidu għall-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, għas-Summien biss, u ser jibqa’ miftuħ sas-Sibt 21 ta’ April – ġimgħa aktar tard mis-sena l-oħra u 15-il jum aktar tard mid-dati proposti lill-Gvern mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Fi stqarrija BirdLife Malta ċċarat il-fatt li dan l-istaġun ser ikun qed jinfetaħ fl-eqqel tal-passa tal-Gamiema, li hija protetta.  Dan filwaqt li spjegaw li matul din il-ġimgħa, l-laqgħa tal-Kumitat Ornis, li ġeneralment ssir qabel jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa, bil-għan li jiġi diskuss l-infurzar, tħassret mingħajr ma ngħatat raġuni. Tul din il-laqgħa partikolari normalment il-membri tal-kumitat jiġu aġġornati dwar il-loġistika u dwar l-infurzar ippjanat għal tul l-istaġun f’dak li għandu x’jaqsam mal-preżenza tal-pulizija madwar Malta u Għawdex.

Dan filwaqt li tul din il- laqgħa normalment jitħabbar ukoll l-ammont ta’ liċenzji tal-kaċċa li jkunu nħarġu għall-istaġun li jkun se jiftaħ.

BirdLife Malta insistiet li għalkemm l-istaġun suppost li se jkun miftuħ biss għall-kaċċa fuq is-Summien, din is-sena d-dati tal-istaġun tbiddlu skonthom apposta sabiex jaħbtu mal-eqqel tal-passa tal-Gamiem, minkejja li l-kaċċa għal din l-ispeċi protetta hija soġġetta għal moratorju għat-tieni sena
konsekuttiva.

Dan minħabba l-fatt li n-numri tal-Gamiema qed jonqsu drastikament madwar l-Ewropa kollha,
b’dan l-għasfur issa huwa kklassifikat bħala ‘vulnerabbli’ mill-Għaqda Internazzjonali
għall-Konservazzjoni tan-Natura. Konsegwenza ta’ dan, fl-2016 il-Gvern kien daħħal projbizzjoni fuq il-kaċċa għal din it-tajra tul ir-rebbiegħa, bl-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa tas-sena l-oħra kien tmexxa għall-bidu ta’ Marzu biex tkun evitata l-kaċċa tul il-perjodu meta dan l-għasfur ikun qed ipassi minn fuq il-Gżejjer Maltin.

Għaldaqstant BirdLife Malta insistiet li d-deċiżjoni tal-Gvern li d-dati tal-istaġun ta’ din is-sena jiġu estiżi għal April tpoġġi din l-ispeċi vulnerabbli f’riskju kbir li tiġi kkaċċjata, waqt li tpoġġi wkoll lill-Gvern Malti f’riskju li jispiċċa għal darba oħra jkollu jiffaċċja azzjonijiet ta’ ksur tal-liġi min-naħa tal-
Kummissjoni Ewropea fuq il-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.

Dwar dan BirdLife Malta diġà kellha laqgħat mal-Kummissjoni fi Brussell u fi tmiem l-istaġun se tkun qed tippreżenta rapport dettaljat lill-Unjoni Ewropea li fih se telenka u tiddokumenta l-illegalitajiet kollha tal-istaġun.

Dan fid-dawl li ġimgħa biss ilu, MEPs minn diversi gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew li kienu qed jieħdu sehem f’diskussjoni organizzata fil-Parlament Ewropew fi Brussell sejħu biex il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ proċeduri ta’ ksur kontra Malta biex titwaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa fuq l-għasafar li jkunu qed ipassu għax fi kliemhom “hemm provi konkreti li qed jinkisru l-kundizzjonijiet tad-deroga mid-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar li qed tiġi applikata minn Malta biex issir il-kaċċa għas-Summien fir-rebbiegħa”. Tħabbar ukoll li f’Mejju se jkun hemm seduta plenarja tal-Parlament Ewropew li matulha se jsir dibattitu dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta.

L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa 2018 isegwi staġun tal-kaċċa tal-ħarifa li kien l-agħar wieħed f’dak li għandu x’jaqsam ma’ illegalitajiet f’dawn l-aħħar ħames snin. Minn rapport ippubblikat ftit tal-jiem ilu mid-WBRU joħroġ ċar li fl-2017 is-sistema diġitali li tirrikjedi li l-kaċċaturi u n-nassaba jiddikjaraw huma stess dak li jkunu qabdu, falliet għalkollox.

Skont il-Game Reporting Data 2017 Report – magħruf ukoll bħala r-rapport tal-Carnet de Chasse – 14% tal-kaċċaturi u n-nassaba biss indenjaw ruħhom jipparteċipaw fis-sistema telefonika li ħadet post is-sistema tal-Carnet de Chasse li kien hemm qabel, u rrappurtaw in-numru ta’ għasafar li qatlu s-sena l-oħra. Fl-ewwel paġna tiegħu r-rapport jgħid li 2,167 kaċċatur u nassab biss irrapportaw il-qabdiet tagħhom minn total ta’ 10,467 kaċċatur u 4,534 nassab li ngħataw il-liċenzja s-sena l-oħra. Filwaqt li dawn in-numri.

Minn għada, il-kaċċa se tkun permessa minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, f’kull ġurnata tal-istaġun. Dawk li tinħarġilhom il-Liċenzja Speċjali għall-Kaċċa fir- Rebbiegħa tal-2018 biss se jkollhom permess li joħorġu għall-kaċċa għas-Summien matul l- istaġun. Filwaqt li l-kwota nazzjonali se tkun ta’ 5,000 Summiena b’kull kaċċatur liċenzjat jista’ joqtol mhux aktar minn ħames Summiniet f’ġurnata u massimu ta’ għaxar Summiniet tul l-istaġun kollu, l-ammont totali ta’ kaċċaturi reġistrati għall-istaġun ta’ din is-sena b’dati li tmexxew ’il quddiem mhuwiex magħruf. Dan minħabba li l-laqgħa tal-Ornis li kienet skedata għal nhar l-Erbgħa li għadda u li matulha kienu se jingħataw dawn in-numriġiet kanċellata mingħajr ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni.