Lokali

In-natura u żmien l-Għid jingħaqdu f’ħaġa waħda

Matul il-ġurnata tas-Sibt, diversi tfal ngħataw l-opportunità li jieħdu gost għal żmien l-Għid filwaqt li iqattgħu ftit ħin fin-natura.

Birdlife Malta organizzat attività bl-isem ta’ Egg-citement fir-Riserva Naturali tas-Simar fix-Xemxija fejn numru ta’ tfal qattgħu xi ħin mal-ġenituri tagħhom bl-isfida ewlenija tkun li t-tfal, isibu kemm jista’ jkun bajd tal-għid.

Sarah Brady, Education Manager ta’ Birdlife, spjegatilna l-iskop ta’ din l-attività huwa li joħorġu lin-nies barra sabiex filwaqt li jieħdu gost, isiru jafu dwar il-ħajja selvaġġa li hemm fir-riserva naturali.

Wara, l-attivita’ bil-bajd tal-Għid, dawk li attendew kellhom l-opportunità li jmorru jduru r-riserva u jaraw l-għasafar li jkunu waqfu biex jistrieħu f’din ir-riserva. F’kull kamra li daru, in-nies ġew mgħallma kif jiġu mħarsa l-għasafar.

Mark Gauci, Nature Reserve Manager tal-Birdlife qal li “l-iskop tal-Birdlife hu li niġbru familji u noħorġuhom barra biex japprezzaw in-natura. Ħadna spunt mill-Għid fejn fi tliet żoni differenti, it-tfal għamlu Easter Egg Hunt. Wara huma daħlu ġewwa riserva fejn setgħu igawdu l-għasafar li jgħaddu minn hemm u jitgħallmu kemm fuqhom u fuq il-pjanti li jigbru fir-riserva. F’sezzjoni oħra, it-tfal setgħu jagħmlu crafts relatati mal-festa tal-Għid.”

Il-flus li nġabbru minn din l-attività se jmorru biex tkompli tiġi mħarsa r-Riserva Naturali, li tiftaħ għal pubbliku kull nhar ta’ Ħadd mill-10 ta’ filgħodu tal-4 ta’ wara nofsinhar.