Lokali

FILMAT: Iż-żfin parti mit-terapija għal min ibati mill-marda ta’ Parkinson

Qatt ħsibt li ż-żfin jista’ jkun parti mill-kura għat-tbatija li ġġib magħha l-marda ta’ Parkinson?

Issa dan hu possibbli, grazzi għall-proġett Step Up for Parkinson’s wara riċerka li Natalie Muschamp għamlet dwar kif il-mużika u ż-żfin jistgħu jgħinu lil min ibati minn din il-marda.

Ma’ NET News, Natalie tispjega kif il-motto personali “La Vita è Bella” (“Il-Ħajja hi Sabiħa”) tipprova tgħaddih fost il-pazjenti li qed isegwu l-kors b’xejn f’żoni differenti madwar Malta.

Matul dan il-kors, il-pazjenti jingħataw gwida biex bil-movimenti li jakkumpanjaw il-mużika, jieħdu t-terapija.

Natalie tispjegalna kif l-intenzjoni ta’ Step Up for Parkinson’s hi li l-pazjenti jgħaddu l-ħin jiddevertu f’sens ta’ komunità ħalli jħossuhom aktar motivati, minkejja l-problemi ta’ saħħithom.

Iċ-Chairperson ta’ Step Up For Parkinson’s innutat li ġieli ssib min ikollu diffikultà biex jattendi għal dawn il-korsijiet minħabba trasport u għalhekk, l-għaqda volontarja tappella biex min ikun jista’, iwassal lill-qraba tiegħu bil-mezz tat-trasport tagħhom.

Bħalma hu l-każ ta’ Mildred, li twassal lil ommha għal dawn il-korsijiet. F’filmat maħruġ mill-għaqda volontarja, Mildred tispjega kif grazzi għal dawn il-korsijiet, in-Newrologu li jsegwi lil ommha ma ħassx il-ħtieġa li jżidielha d-dożi mediċinali għax raha li sejra tajjeb.

Min-naħa tagħhom, evidenti s-sodisfazzjon fuq wiċċ il-pazjenti, li jistqarru kif permezz ta’ dawn il-korsijiet, u minkejja l-marda, xorta jistgħu jgħixu ħajja normali … iżda fuq kollox iħossuhom ħafna aħjar.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku setupforparkinsons.com jew iżur il-Paġna “Step Up For Parkinson’s” fuq Facebook biex ikun jaf fejn se jsiru s-sessjonijiet li jmiss.