Ambjent Lokali

FILMAT: Proġett ta’ BirdLife Malta jitfa’ dawl ġdid fuq għasafar tal-baħar li jbejtu f’Malta

Il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta qed ixandar filmati esklussivi miġbudin fil-bejtiet tal-Garni li juru għall-ewwel darba dak li jkun qed jiġri fil-perjodu tal-bejta ta’ dan l-għasfur tal-baħar.

Bis-saħħa ta’ dawn il-filmati direttament mill-bejta tal-Garnija li jinġibdu permezz ta’ kameras apposta magħrufin bħala trail cameras, ilpubbliku jista’ jieħu idea tal-mod kif jgħixu dawn l-għasafar li rari narawhom. Fl-istess ħin dawn il-filmati uniċi jitfgħu dawl ġdid fuq xi jkun qed jiġri tul il-perjodu tal-bejta proprju fil-post fejn ibejjet il-Garni fl-irdumijiet mal-kosta.

Il-proġett, li qed jaħdem għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi vulnerabbli u protetta, qed juża kameras speċjali magħmulin apposta – li jaħdmu mingħajr white flash jew ħsejjes biex ifixklu mill-inqas lill-għasafar – biex jirreġistra dak li jkun qed jiġri ta’ kuljum f’żewġ bejtiet partikolari tal-Garnija f’kolonji differenti, waħda fl-Irdum talMadonna u l-oħra fil-Park tan-Natura u l-Istorja tal-Majjistral.

Fl-Irdum tal-Madonna hemm il-kolonja prinċipali ta’ dan l-għasfur tal-baħar f’Malta b’madwar 500 par Garni li jbejjet f’dawn l-irdumijiet. Min-naħa l-oħra fil-Majjistral insibu madwar 250 par.

Minħabba li l-postijiet fejn ibejtu dawn l-għasafar ikunu fi xquq dojoq ħafna f’postijiet inaċċessibbli, it-tim tal-proġett ħafna drabi jkollu jagħmel abseiling f’kundizzjonijiet diffiċli biex jinstalla dan l-apparat u jagħmel il-manutenzjoni tiegħu.