Sport Sport Ieħor

Francesca Curmi mal-aqwa 80 fir-rankings tad-dinja taż-żgħażagħ

It-tennista żagħżugħa Francesca Curmi kompliet tikseb riżultati pożittivi meta daħlet mal-aqwa 80 tennista fir-rankings tad-dinja ta’ taħt it-18-il sena. Minn meta għamlet id-debutt fix-xena tal-juniors tal-ITF 15-il xahar ilu, Curmi rnexxielha titla’ fir-rankings fejn qabżet madwar 1800 post.

Francesca Curmi lagħbet total ta’ 62 logħba internazzjonali b’medja ta’ rebħ ta’ 73%. Fil-proċess hi rnexxielha tgħolli d-diffikultà tal-livell tagħha, b’suċċess mill-ewwel f’kull livell.

Fost l-aħjar kisbiet tagħha fl-aħħar sitt xhur, Curmi waslet sal-finali tat-tielet kategorija fil-Marokk, rebħet it-tieni kategorija fit-Tuneżija u spiċċat semifinalista fl-ewwel u t-tieni kategorija fi Spanja. Hi għelbet ukoll lil Dema Victoria mill-Ukrajna u Sada Nahimna mill-Burundi li jinsabu fil-31 u t-33 post fir-rankings tad-dinja rispettivament.

Fix-xhur li ġejjin, Francesca Curmi se tipparteċipa f’diversi tournaments ta’ prestiġju. Hi se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Fed Cup f’Montenegro u l-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ fl-Arġentina. Hi bħalissa għandha lil Matthew Asciak u Dali Susa bħala kowċis.

Tags