Ambjent Festi Knisja Kultura

Il-Festa Frawli nhar il-Ħadd li ġej

Se jiġu organizzati mixjiet qalb il-kampanja

Nhar il-Ħadd 8 ta’ April il-pjazza tar-raħal agrikolu tal-Imġarr ser tilbes il-libsa tal-festa u terġa’ tilqa’ fi ħdana l-avveniment tant mistenni – Festa Frawli.

Issa fit-tnax il-edizzjoni tagħha, Festa Frawli tirrappreżenta l-komunità vibranti tal-Imġarr, fejn il-bdiewa u l-voluntiera lokali jingħaqdu f’ħidma kollha ħrara sabiex din il-festa tant sabiħa tar-reġina tal-frott, tkun suċċess.

Ċentrali għall-għan tagħha, Festa Frawli taspira għall-preservazzjoni u t-titjieb tal-wirt agrikolu u storiku tal-frawla lokali rinomata, l-agrikoltura Imġarrija permezz tal-ħidma fejjieda ta’ dawk kollha li jagħtu daqqa t’id.

Il-frawli friski mhux se tkun l-unika ħaġa għall-bejgħ f’Festa Frawli. Firxa kbira ta’ ikel u ħelu ispirati mill-frawli żgur li jiftaħlek l-aptit. Pastizzi, arancini, ravjul, majjal, pasti, ġelati, xarbiet bnini u mitt ħaġa oħra jkunu qed jistennew lil dawk kollha li jogħġobhom jiġu jżuruna.

Dan il-festival fir-Rebbiegħa joffri xi ħaġa għal kulħadd.

Għall-ewwel darba, se jiġu organizzati mixjiet qalb il-kampanja Imġarrija, li kollha jitlqu mill-pjazza kull siegha, sabiex il-viżitaturi jesperjenzaw l-inħawi rurali li jħaddnu bosta postijiet xeniċi li jgħaqqdu diversi siti ta’ valur arkeoloġiku, storiku u naturali bħal Binġemma u l-kosta li testendi mill-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa sal-Bajja tal-Ġnejna.

Wieħed jista’ jasal Festa Frawli billi juża l-karozzi tal-linja bin-numri 44 u 238 mill-Belt u 101 miċ-Ċirkewwa matul il-ġurnata kollha. Se jiġi pprovdut servizz ta’ shuttle mill- “Park and Ride” f’Ta’ Qali jew segwu s-sinjali li jwassluk f’żoni ta’ parkeġġ fil-qrib biex jiffaċilitaw l-aċċessibilità.

Aktar dettalji minn fuq il-pagna ta’ Facebook https://www.facebook.com/FestaFrawli/ jew ċemplu l-Kunsill Lokali tal-Imġarr 21520011.