Kunsilli Lokali Lokali

FILMAT: “Kunsilli li jservu l-bżonnijiet tan-nies” – il-PN jippreżenta 80 proposta

25 sena wara li wellidhom, il-PN jibqa’ jemmen fil-Kunsilli Lokali

Permezz ta’ 80 proposta għall-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista bħala Oppożizzjoni Pożittiva trid issaħħaħ il-kunċett li l-Kunsilli Lokali qegħdin hemm biex jaraw x’inhuma l-bżonnijiet tan-nies, biex iwieġbu għat-tħassib tan-nies, u fuq kollox, biex iservu lin-nies.

Kien dan il-messaġġ ta’ konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie mniedi dokument li permezz tiegħu l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta 80 proposta għar-riforma tal-Kunsilli Lokali.

“Il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia jemmen li jekk il-Kunsilli Lokali ma jkunux relevanti għan-nies, allura r-riforma tkun falliment. Għaldaqstant irridu naraw li din ma tkunx riforma kożmetika, imma riforma li verament tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies”, qal Robert Cutajar.

Il-whip u kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar spjega li wara li wellidhom 25 sena ilu, il-Partit Nazzjonalista għadu sal-lum jemmen fl-importanza tal-Kunsilli Lokali biex fuq kollox dawn ikunu jistgħu jservu lin-nies aħjar billi jindirizzaw il-problemi fil-lokalitajiet.

Hu spjega li d-dokument bit-80 proposta hu msejjes fuq ħames prinċipji ewlenin: kuxjenza akbar dwar problemi soċjali fil-lokalitajiet, ħidma għal iktar sigurtà f’lokalitajiet li qed jinbidlu, koperazzjoni aqwa bejn il-Kunsilli, Kunsilli Lokali b’aktar flus f’idejhom biex jiġu investiti għan-nies u fuq kollox, amministrazzjoni effettiva u effiċjenti.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kordinatur tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali Charles Bonello, li esprima diżappunt dwar il-mod kif fl-aħħar snin, tnaqqret is-saħħa tal-Kunsilli Lokali bil-konsegwenza li ma jistgħux iservu aħjar lin-nies.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kulleġġ Kunsilliera Partit Nazzjonalista Pierre Portelli spjega li biex seta’ sar dan id-dokument, il-Partit Nazzjonalista wettaq proċess twil ta’ konsultazzjoni fosthom b’workshops u konferenza nazzjonali.

Segwi l-konferenza tal-aħbarijiet kollha