Edukazzjoni Lokali

Tibdil fl-Università ta’ Malta: Il-Prim Ministru jrid jibda jagħżel iċ-chairperson tal-Kunsill direttament hu

Tħassib dwar l-awtonomija tal-Università hekk kif il-Gvern jippubblika abbozz ta' liġi b'tibdil kbir fl-organizazzjoni tal-Università ta' Malta

Iċ-chairperson tal-Kunsill tal-Università ta’ Malta se jibda jiġi magħżul u appuntat direttament mill-Prim Ministru, skont abbozz ta’ liġi li qed jiġi propost mill-Gvern u li ġie ppubblikat llum.

Dettalji dwar dan l-abbozz ngħataw waqt press briefing għall-ġurnalisti indirizzat minn numru ta’ uffiċjali mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Fost it-tibdil li qed jipproponi l-Gvern f’dan l-abbozz, hemm il-bidla li l-Kunsill tal-Università ma jibqax jitmexxa bl-istess mod kif jitmexxa llum, u dan billi l-persuna li tmexxi dan il-Kunsill tibda tkun magħżula direttament mill-Prim Ministru. Dan ifisser ukoll li l-Kunsill ma jibqax jitmexxa mill-Pro-Kanċillier (li llum, dan jintgħażel mill-Kanċillier tal-Università).

Flimkien mas-Senat, il-Kunsill tal-Università huwa wieħed minn żewġ strutturi importanti fit-tmexxija tal-Università ta’ Malta. Filwaqt li s-Senat jieħu ħsieb l-affarijiet akkademiċi, il-Kunsill jieħu ħsieb il-kumplament tal-affarijiet – partikolarment it-tmexxija u l-iggvernar tal-Università.

Tul il-press briefing, l-uffiċjali tal-Gvern insistew li t-tibdil kollu se jnaqqas l-involviment tal-Gvern, iżda ma ngħatat l-ebda risposta meta NET News staqsa jekk kienux esplorati possibilitajiet oħra flok dik li ċ-chairperson tal-Kunsill ikun magħżul u appuntat direttament mill-Prim Ministru.

Id-deċiżjoni li l-Gvern jibda jappunta ċ-chairperson tal-Kunsill tal-Università direttament hu jqajjem tħassib dwar it-tnaqqir tal-awtonomija tal-Università ta’ Malta.

Tibdil ieħor li qed jiġi propost fl-abbozz ta’ liġi

Mod ieħor kif il-Gvern irid jidħol fit-tmexxija tal-Università huwa permezz tat-twaqqif ta’ dak li qed jissejjaħ ‘Kumitat Strateġiku u Finanzjarju’, fejn qed jiġi propost li l-Gvern ikollu rappreżentanti mill-Ministeri tal-Edukazzjoni u tal-Finanzi.

Fost l-irwoli ta’ dan il-Kumitat hemm it-tħejjijja ta’ pjan għall-Università kull tliet snin, kif ukoll tħejjijja ta’ business plan u saħansitra tħejjijja anke tal-budget tal-Università – jiġifieri kif għandhom jintefqu l-flus.

Fl-istess waqt, il-pjan tal-Kumitat Strateġiku u Finanzjarju għandu jibda jkun approvat mill-Kunsill tal-Università, l-istess Kunsill li l-Gvern irid jibda jappunta ċ-chairperson tiegħu direttament hu.

F’dan l-isfond, mhux mistenni li l-liġi titressaq għad-diskussjoni u l-approvazzjoni fil-Parlament b’mod imminenti minħabba diskussjoni mal-istakeholders li għad trid issir dwar dan l-abbozz ta’ liġi.

Sadanittant, l-abbozz ta’ liġi jipproponi wkoll tibdil fil-mod ta’ kif jiġi elett ir-Rettur tal-Università, bit-twaqqif ta’ Kulleġġ Elettorali li jibda jivvota hu għar-Rettur. Il-Kulleġġ Elettorali għandu jkun magħmul minn membri tal-istaff akkademiku, membri mill-istaff amministrattiv, studenti tal-Università u l-membri tal-Kunsill tal-Università appuntati mill-Prim Ministru.