Lokali

FILMATI: Nas Daily fuq Net Television #OhMyMalta

Intervista ma' Nas Daily waqt il-programm NET Live.

Il-vlogger popolari segwit minn 5.6 miljun persuna fuq Facebook, li fi tliet ijiem f’pajjiżna ħareġ tliet filmati fuq Malta – kien il-mistieden fil-programm NET Live.

Nuseir Yassin għandu proġett – dak li jdur id-dinja minn pajjiż għall-ieħor – u ta’ kuljum jitfa’ filmat ta’ minuta li fih jiġbor ħsieb, messaġġ, jew inkella esperjenza fil-pajjiż ġdid li jżur.

Mis-726 ġurnata li s’issa ilu fuq dan il-proġett u żar numru kbir ta’ postijiet fosthom in-Niġerja u l-Fillippini. Fl-ewwel jum tiegħu f’Malta – f’minuta Nas Daily irnexxielu jiġbor il-karattru Malti, u fih iltaqa’ ma’ numru kbir ta’ Maltin fejn ġab xenarji mill-isbaħ ta’ pajjiżna, filwaqt li żewwaq il-filmat b’ikel u veduti pittoreski.

Fit-tieni jum, Nas kien affaxinat mill-lingwa Maltija, tant li rnexxielu jxebbah il-mod kif il-lingwa tagħna tgħaqqad ilsna barranin bl-istess mod kif il-bnedmin ġejjin minn kulturi differenti jistgħu jingħaqdu wkoll. Iżda fit-tielet ġurnata, ġie ppublikat li l-iktar li nxtered u rawh nies fuq Facebook – dan hekk kif Nas ġie mhedded f’pajjiżna minn Libjan viżibilment fis-sakra. Madanakollu, Nas rnexxielu jdawwar din l-istorja – fejn ġie ġġudikat għax hu ġej mill-Israel u għalhekk u kompliċi fl-operazzjoni Amerikana li fiha nqatel l-eks mexxej Libjan Gaddafi. Ir-raġel Libjan wasal fi stat fejn kważi għamel għalih. Iżda Nas irnexxielu jbiddel dan l-episodju ikrah f’messaġġ pożittiv – u wieħed favur l-integrazzjoni.

Fil-messaġġ tiegħu, Nas qal li l-immigrazzjoni hi l-aqwa ħaġa li tista’ tiġri lil kull pajjiż fejn ġab eżempju b’numru ta’ familji li kisbu suċċess u ħajja denja – minbarra li rnexxielhom jikkontribwixxu fis-soċjeta’ li jgħixu fiha. Tenna li dan l-episodju minn persuna fis-sakra m’għandux itebba’ r-reputazzjoni tal-immigranti

Ritratti: Matthew Tabone, Muntaġġ: Maria Grech