Kunsilli Lokali Lokali

Il-Ħamrun issa wkoll bil-Kunsill Lokali tat-tfal

Inizjattiva ta' Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Efrem Buttigieg

Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun approva mozzjoni mressqa mill-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, Efrem Buttigieg biex jitwaqqaf Kunsill Lokali għat-Tfal f’din il-lokalità.

Il-mozzjoni ġiet approvata b’mod unanimu mill-Kunsilliera kollha tal-Ħamrun.

Il-mozzjoni tgħid li fil-Ħamrun għandu jitwaqqaf Kunsill Lokali għat-Tfal biex it-tfal ikunu mħeġaġ jagħtu sehemhom fil-komunità u fil-proċessi demokratiċi minn età żgħira.

F’kumment lil dan l-istazzjon, il-kunsillier Efrem Buttigieg laqa b’sodisfazzjon il-fatt li l-mozzjoni ġiet approvata b’mod unanimu. Hu qal li ħa din l-inizjattiva għaliex jemmen li l-iżgħar ċittadini fil-lokalità għandhom jingħataw vuċi. Sostna li għan ewlieni tal-Kunsill Lokali għat-Tfal għandu jkun li jħeġġeġ lit-tfal jipparteċipaw u japprezzaw l-lokalità tagħhom minn età żgħira.

L-inizjattiva fil-Ħamrun ssegwi mozzjoni li tressqet mis-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit f’Diċembru li għadda. Fil-fatt il-Kunsill Lokali għat-Tfal fis-Siggiewi diġa’ beda jiltaqa’ u ħa sehem fis-serata ta’ Jum is-Siġġewi – bil-Kunsill tat-Tfal jagħti donazzjoni ta’ kopji tal-kotba ta’ Sam Farrugia – Sam and the Magic Tooth – lill-Iskola Primarja tas-Siġġiewi u lill-Librerija Pubblika tas-Siġġiewi.