Futbol Sport

FUTBOL LOKALI: Jirritorna l-Kampjonat BOV Premier wara waqfa ta’ ġimagħtejn

Bejn illum u nhar il-Ħadd se jitkompla l-Kampjonat BOV Premier wara waqfa ta’ ġimagħtejn minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti u minħabba l-Għid il-Kbir. B’hekk, se tkompli l-isfida bejn Balzan u Valletta għar-rebħ tal-kampjonat.

Bħalissa Balzan qegħdin igawdu punt vantaġġ fuq Valletta u qed jittamaw li għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom ikunu nkurunati champions ta’ Malta.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom Balzan rebħu 2-0 kontra Mosta biex komplew għaddejjin biex żammew l-ewwel post tal-klassifika meta fadal tlietlogħbiet għat-tmiem tal-kampjonat.

Għada issa jmisshom jilagħbu kontra Tarxien (u wara jmisshom kontra Senglea u Hibs) u jekk jirbħu jiftħu vantaġġ momentarju ta’ erba’ punti fuq Valletta li jmu wara jilagħbu kontra Ħamrun.

Ikun ferm importanti għal Balzan li jieħdu tliet punti biex jitfgħu pressjoni fuq Valletta li jkunu jafu li jridu jirbħu biex iżommu l-pass mal-liders.

Għal Balzan ir-rebħa fuq Mosta kienet il-15-il-rebħa tal-istaġun iżda Mosta kienu tim passiv u mingħajr wisq inizjattiva. Minkejja d-dominju tal-liders dawn xorta waħda kellhom jistennew sal-aħħar ħames minuti biex issiġillaw din ir-rebħa.

Kollox deher li r-rebħa kontra Mosta kienet se tpoġġi lil Balzan b’vantaġġ komdu fuq Valletta hekk kif dawn kienu resqin lejn draw xejn mistenni kontra St Andrews imma gowl skurjat minn Michael Mifsud fit-93 minuta ta’ rebħa minima ta’ 1-0 lill-Beltin biex dawn baqgħu punt taħt Balzan.

Is-Saints iddefendew bi qlubija fejn jistgħu jħossuhom sfortunati li tilfu l-logħba u punt fl-aħħar sekondi. Iżda realistikament jekk wieħed irid ikun ġust jekk kien hemm tim li ħaqqu l-punti massimi kienu Valletta li għamlu biżżejjed biex jirbħu l-partita.

Minkejja li ħadu t-tliet punti xorta waħda komplew jidhru l-problemi biex l-attakkanti Beltin isibu x-xibka.

Issa li fadal tliet logħbiet għat-tmiem dan hu l-aħħar sforz li xorta jista’ ma jkunx biżżejjed għal Valletta jekk Balzan jirbħu t-tlieta li għandhom. Valletta jridu jiffaċċjaw lil Ħamrun, Gżira u Floriana, kompitu mhux daqstant faċli.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom Ħamrun tilfu 3-2 kontra Sliema. Kienu l-Wanderers li fetħu l-iskor l-Ispartans dawru momentanjament ir-riżultat favur tagħhom. Iżda l-aħħar daħqa kienet tal-Blues li skurjaw darbtejn fil-bidu tat-tieni taqsima biex kisbu rebħa li biha żammew is-sitt post tal-klassifika.

Fil-fatt din kienet logħba li ftit li xejn kellha importanza għall-fini tal-klassifika peress li kemm Sliema kif ukoll Ħamrun jinsabu xxamplati u komdi f’nofs il-klassifika.

L-Ispartans jistgħu jkunu determinanti fit-taqtiegħa għar-rebħ tal-kampjonat peress li issa jmisshom kontra Valletta u minkejja li l-posizzjoni u l-motivazzjoni tagħhom hija differenti ħafna minn tal-Beltin, hemm ir-rivalita eterna bejn dawn iż-żewħ timijiet bi storja kbira fil-futbol lokali.

Minbarra li tkompli l-isfida bejn Balzan u Valletta, konfronti interessanti se jkunu dawk ta’ bejn Hibs u Birkirkara u ta’ bejn Sliema u Floriana. Dawn tal-aħħar se jkunu ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 kontra Tarxien filwaqt li Hibs umiljaw lil Lija u rebħulhom 7-0 biex ikkundannawhom għall-Ewwel Diviżjoni.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom Floriana komplew bil-ġlieda tagħhom għal post fl-Ewropa dan wara li huma għelbu lil Naxxar b’gowl f’kull taqsima u issa jilagħbu kontra r-rivali antiki tagħhom. Jekk Sliema jegħlbu lil Floriana jaqbżuhom fil-klassifika.

Il-Programm
Illum
Centenary Stadium

7.00pm Senglea A v Mosta

Is-Sibt
Stadium Nazzjonali

4.00pm Lija A v St. Andrew’s
6.00pm Birkirkara v Hibernians

Kordin
4.00pm Naxxar L v Gżira Utd.
6.00pm Tarxien R v Balzan

Il-Ħadd
Stadium Nazzjonali

4.00pm Sliema W v Floriana
6.00pm Valletta v Ħamrun S.