Ekonomija Lokali

Iktar kalma fost l-azzjonisti tal-HSBC minkejja inżul qawwi ta’ €0.10ċ fil-valur tal-ishma f’jumejn

  • Inqas ishma negozjati l-Ġimgħa milli l-Ħamis – sinjal li hemm iktar kalma fost l-azzjonisti tal-HSBC

  • Meta jkun hemm aħbar qawwija, in-negozju jkun ikbar hekk kif aktar azzjonisti jfittxu li jbiegħu l-ishma tagħhom. Dan il-moviment ġie rreġistrat ilbieraħ, iżda llum in-negozju kien inqas – sinjal ta’ iktar kalma.

  • Il-valur ta’ kull sehem xorta waħda kompla nieżel – illum, kull sehem fl-HSBC għandu valur ta’ 5.5% inqas minn jumejn ilu

  • Mhux eskluż li dan l-inżul qawwi fil-valur jaffettwa n-negozju fil-Borża ta’ Malta meta din terġa’ tiftaħ nhar it-Tnejn

Jumejn wara r-rapport fis-sit awtorevoli Amerikan Blomberg li l-HSBC qed jikkunsidra li jitlaq minn Malta, l-azzjonisti tal-bank HSBC f’Malta huma iktar kawti u kalmi.

Dan hekk kif l-ammont ta’ ishma negozjati fil-Borża ta’ Malta matul il-ġurnata tal-Ġimgħa kien wieħed minimu.

Mal-għeluq tan-negozju fil-Borża ta’ Malta l-Ġimgħa waranofsinhar, il-volum ta’ ishma negozjati, jiġifieri mibjugħa u mixtrija fis-suq finanzjarju tal-Borża ta’ Malta, kien ta’ 9,444 – ferm inqas mill-volum ta’ 113,172 innegozjati sal-għeluq tal-ġurnata finanzjarja tal-Ħamis, jiġifieri l-għada li kienet żvelata l-aħbar.

Skont il-konsulent tas-servizzi finanzjarji Jesmond Mizzi, dan ifisser li fit-tieni jum minn meta ħarġet l-aħbar, l-azzjonisti tal-bank jinsabu aktar kalmi u inqas fuq ix-xwiek li jinnegozjaw l-ishma tagħhom.

“L-ewwel reazzjoni dejjem tkun fin-negattiv sakemm in-nies isiru jafu iktar informazzjoni”, qal Jesmond Mizzi lil NET News. “Fit-tieni ġurnata, hekk kif ma kienx hemm aktar informazzjoni, l-ammont ta’ negozju kien minimu ħafna, li jfisser ukoll li l-azzjonisti kienu iktar kawti u kalmi”, żied jgħid.

Dan jista’ jkun ukoll minħabba l-fatt li din mhux l-ewwel darba li qamet il-mistoqsija dwar jekk il-bank HSBC hux se jitlaq minn Malta. Bid-differenza li din id-darba l-aħbar ġiet rappurtata fuq website awtorevoli.

Madanakollu dan ma jfissirx li ma kienx hemm impatt. Filfatt, minkejja li l-ammont ta’ ishma nnegozjati matul il-ġurnata tal-Ġimgħa kien ferm inqas minn dak negozjat matul il-ġurnata tal-Ħamis, f’sinjal li hemm iżjed kalma fost l-azzjonisti tal-bank, xorta waħda ġie rreġistrat tnaqqis fil-valur tal-ishma tal-HSBC.

L-Erbgħa, ftit sigħat qabel ħarġet l-aħbar fuq is-sit Blomberg, l-ishma tal-HSBC għalqu l-ġurnata b’valur ta’ €1.82. L-għada, il-Ħamis, il-valur waqa’ għal €1.78 kull sehem, waqt li fi tmiem il-ġurnata finanzjarja tal-Ġimgħa, il-valur ta’ kull sehem tal-HSBC kien fil-livell ta’ €1.72 – jiġifieri preċiżament għaxar ċenteżmi inqas minn qabel ġiet żvelata l-aħbar. Dan ifisser inżul pjuttost qawwi ta’ 5.5% fil-valur f’jumejn biss.

Mhux eskluż li dan l-inżul qawwi fil-valur tal-ishma tal-HSBC jaffettwa lill-azzjonisti tal-bank meta nhar it-Tnejn terġa’ tiftaħ il-Borża ta’ Malta għan-negozju tal-ishma.

Fost il-fatturi li setgħu wasslu għal iktar kalma fost l-azzjonisti hemm tweet li kien ġie ppubblikat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li kien qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun fuq ta’ quddiemnett biex ikun assigurat li Malta tibqa’ tkun ġurisdizzjoni minn ta’ quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur tas-servizzi finanzjarji.