Lokali

Voluntiera li jagħtu qalbhom biex isalvaw lill-ħaddieħor – St John Rescue Corps

F’numru ta’ inċidenti li nqalgħu f’dawn l-aħħar snin, il-voluntiera ta' St John Rescue Corp kienu fuq il-post jagħtu l-għajnuna tagħhom

F’kull diżastru jew inċident ikrah li jinqala’ f’pajjiżna, jew anke waqt attivitajiet bħala prevenzjoni, fuq il-post issib lill-voluntiera tas-St John Rescue Corps.

Biex jiġi ċċelebrat ix-xogħol li jsir matul is-sena, fil-kwartieri ġenerali u l-iskola ta’ taħriġ fil-Forti tal-Madliena, madwar 90 voluntier ħadu sehem fil-attivita’ annwali. F’dan il-jum, saru numru ta’ dimostrazzjonijiet – fosthom eżempju bħallikieku hemm bżonn tas-servizzi tal-għajnuna f’binja fil-għoli, jew inkella operazzjoni ta’ salvataġġ  minn taħt l-art.

Għal din l-okkażjoni tkellimna mal-Kummissarju ta’ St John Rescue Corp Andrew Grech fejn spjegalna x’inhu x-xogħol volontarju li jagħmlu. Kif spjega tajjeb, f’numru ta’ inċidenti li nqalgħu f’dawn l-aħħar snin, St John Rescue Corp kien fuq il-post jagħti l-għajnuna tiegħu. Il-voluntiera jiġu mħarrġa fi tliet setturi differenti, dawk ta’ tifi tan-nar u salvataġġ, sitwazzjonijiet ta’ high angle, u anke s-settur marittimu.

Intant saret ċerimonja ta’ rikonoxximent għal numru ta’ voluntiera li ddistingwew ruħhom fejn 11-il voluntier ingħataw ċ-ċetifikat tal-Ewwel Għajnuna, 6 voluntiera għal Basic Fire Awareness, 5 ċertifikati għal Fire Fighting Foundation, ċertifikat għal Bronze Aware for Water Lifesaving u 5 ċertifikati Silver Award għal Water Lifesaving.  Matul iċ-ċerimonja ġew maħtura wkoll numru ta’ karigi ġodda.

Fid-drill square tal-forti tal-Madliena, il-voluntiera urew l-kapaċitajiet tagħhom f’sitwazzjonijiet fejn hemm bżonn il-ħiliet li jkunu ilhom jistinkaw jitħarrġu għalihom. Fejn f’numru ta’ każi huma jassistu anke lill-Membri tal-Protezzjoni Ċivili fuq bażi volontarja.

Dawk li jixtiequ jingħaqdu mas-St John Rescue Corps, se jinfetħu l-applikazzjonijiet għal dawk li jixtiequ jieħdu l-kors ta’ salvataġġ fil-marittimu. Dawk interessati jistgħu jibgħatu email fuq: join@sjrcmalta.org.

Ritratti: Matthew Tabone

Filmat: Noel Zammit

Muntaġġ: Matthias Brancaleone

Aħbarijiet relatati:

Rikonoxximent lil Jessica Micallef – it-tfajla li mietet f’inċident tat-traffiku fl-Imġarr