Ambjent Ekonomija Lokali

Konsultazzjoni pubblika dwar il-pipeline bejn Malta u Sqallija

Bħala parti mill-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Malta u l-Italja, li se jgħaqqad lil Malta man-network Ewropew tal-gass, bħalissa għaddej proċess ta’ konsultazzjoni pubblika marbut mal-proċedura tal-permessi.

Ilbieraħ saret laqgħa pubblika f’Marsaxlokk fejn għadd ta’ persuni kellhom iċ-ċans jisimgħu tliet preżentazzjonijiet dwar il-proġett, u fi tmiemhom ressqu l-mistoqsijiet u l-kummenti tagħhom.

Għal din il-laqgħa attendew għadd ta’ persuni tekniċi li wieġbu għall-mistoqsijiet tal-pubbliku, fosthom mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, l-Awtorità tal-Ippjanar li mexxiet il-laqgħa, kif ukoll persuni tekniċi, fosthom minn Transport Malta u Enemalta. Għal din il-laqgħa attendew ukoll is-sindku u l-viċi sindku tal-kunsilli lokali ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa.

Bħalma sar f’Malta, se jkun hemm ukoll laqgħat ta’ konsultazzjoni fi Sqallija u l-Italja. Dawn se jsiru f’Gela, f’Palermo u anke f’Ruma l-ġimgħa li ġejja.

Il-pubbliku għandu ċ-ċans jibgħat il-mistoqsijiet tiegħu billi jissottometti l-kummenti bil-miktub lill-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma (MEW) bħala project promoter fuq l-email provdut: gas-energywateragency@gov.mt, jew bil-posta f’dan l-indirizz: Malta Gela Gas Pipeline, The Energy & Water Agency, WSC, Qormi Road, Luqa.

Is-sottomisjonijiet jiġu milqugħha sa mhux aktar tard mill- 20 ta’ Mejju.