Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Floriana jagħtu skoss lil Valletta

(Ritratt: Christine Borg)

Stewart Said

FLORIANA…………..1
VALLETTA…………..1

Gowl kwarta mit-tmiem ta’ Enzo Ruiz ċaħħad lil Valletta milli jiksbu rebħa importanti li biha kienu jersqu eqreb lejn ir-rebħ tal-kampjonat. Mertu jmur għat-tim Furjaniż li ssielet sal-aħħar minkejja li lagħab għal taqsima sħiħa b’raġel anqas wara inġenwità ta’ Jurgen Pisani.

Valletta naqsu mir-ritmu tal-logħob fit-tieni taqsima u wara li deher li rduppjaw, il-logħba ħadet żvolta oħra, b’Floriana jġibu d-draw ħames minuti wara. Partita tajba fosthom għal Enzo Ruiz u Sebastian Nayar, filwaqt li l-captain Steve Pisani kellu jibdel il-pożizzjoni wara t-tkeċċija ta’ Pisani.

Żball tattiku sar fid-69 minuta meta l-kowċ Danilo Doncic bidel lil Piciollo ma’ Zerafa wara li ħaseb li Valletta rduppjaw. B’dan il-punt, Floriana resqu punt bogħod mir-raba’ post fi tmiem il-ġimgħa importanti minħabba l-festa ta’ San Publju. Iż-żewġ kowċis żammew l-istess formazzjoni mill-aħħar partita.

Valletta fetħu l-partita fuq l-attakk u wara ftit aktar minn minuta appellaw għal penalty. Enmy Pena Beltre daħal fil-kaxxa u deher jiġi mwaqqa’ minn Enzo Ruiz, iżda r-referee Alan Mario Sant ħalla l-logħob għaddej.

Il-Beltin fetħu l-iskor fid-disa’ minuta. Kien Miguel Alba li seraq ballun mingħand Emerson Marcelina, il-ballun spiċċa għand Kyrian Nwoko li b’difiża skoperta krossja għan-nofs fejn Alba b’finta ħalla l-ballun għal Matteo PICIOLLO li minn qagħda ideali għeleb lil Ini Akpan.

Floriana tjiebu fil-logħob tagħhom u fil-21 minuta kellu jkun Henry Bonello, li salva mill-viċin konklużjoni ta’ Nayar wara daqqa ta’ ras ta Pepe. It-tim ta’ Chiesa beda jmexxi l-ballun aħjar u territorjalment Floriana kienu aħjar.

Fit-38 minuta huma appellaw għal penalty fuq Maurizio Vella iżda r-referee Sant wera l-karta safra lill-plejer għal simulazzjoni. L-affarijiet komplew ġejjin ħżiena għal Floriana ħames minuti wara. Jurgen Pisani ntwera l-karta l-ħamra wara li deher jobżoq lil Miguel Alba.

Minkejja li bi plejer anqas, Floriana ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima u qasmu l-logħob mal-avversarji. Fl-ewwel nofs tat-tieni taqsima ż-żewġ naħat kellhom żewġ tentattivi. Vella u Fontanella marru viċin għal Floriana filwaqt li żewġ konklużjonijiet ta’ Malano għaddew barra.

Il-logħba ħadet żvolta fid-69 minuta. Valletta kienu għoddhom irduppjaw meta Matteo Piciollo skorja mir-rebound wara li xutt ta’ Pena Beltre kien ħabat mal-wieqfa. Iżda wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Beltin, ir-referee Alan Mario Sant ħassar il-gowl minħabba li Kyrian Nwoko kien quddiem Akpan u f’pożizzjoni ta’ offside max-xutt ta’ Piciollo.

Floriana ġabu d-draw kwarta mit-tmiem meta minn free-kick mix-xellug ta’ Vella, Enzo RUIZ daħal tajjeb u ħa vantaġġ mill-ħarġa difettuża ta’ Bonello biex skorja bir-ras. Ir-reazzjoni ta’ Valletta waslet erba’ minuti wara, b’daqqa ta’ ras ta’ Alba li kienet salvata b’diffikultà minn Akpan.