Lokali

It-tieni serqa fi ftit jiem minn ħanut ieħor propjetà tal-istess sidien fil-Ħamrun

Madwar 150 ewro fi flus kontanti nsterqu mit-tieni ħanut tal-ħwejjeġ tal-kumpanija Xiks, fil-Ħamrun.

It-tieni każ fi ftit jiem seħħ matul il-lejl li għadda fil-ħanut bi ħwejjeġ għat-tfal fi Triq il-Kbira San Ġużepp u jsegwi s-serqa mill-ħanut bi ħwejjeġ għan-nisa, li l-istess kumpanija għandha faċċata.

Sidt il-ħanut spjegat ma’ NET News li ndunaw bis-serqa fis-7am meta persuna li ndunat bl-isgass ikkuntattjat lil waħda mill-impjegati, li toqgħod qrib il-ħanut. Minn hemm, irriżulta li l-ħalliel seraq il-flus mill-‘cashflow’. Jirriżulta li sa tard filgħaxija, fil-ħanut kien għad hemm xi persuni jaħdmu, fl-istess post fejn madwar sena ilu, ukoll kien fil-mira ta’ serqa oħra.

Minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li fil-ħanut, l-allegat ħalliel sab diffikultà biex jiftaħ il-kexxun tal-‘cash register’ u għalhekk, qala’ l-kexxun minn postu u ħarab bih. L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li l-Pulizija diġà tefgħet għajnejha fuq żewġ persuni li aktarx huma involuti fiż-żewġ serqiet relatati ma’ din il-kumpanija.

Iż-żewġ persuni, it-tnejn Maltin, aktarx huma magħrufa sew mal-Pulizija. Madankollu, s’issa għadu mhux ċar jekk kienux huma li wettqu ż-żewġ serqiet. Filmati minn CCTV cameras li hemm fiż-żona mistennija jkunu importanti u aktarx se jkunu qed jitfgħu dawl fuq il-persuna jew persuni involuti.

Il-ħanut l-ieħor, propjetà tal-kumpanija Xiks, kien fil-mira ta’ persuna jew persuni mhux magħrufa l-Erbgħa filgħaxija, minfejn insterqu ammont żgħir ta’ flus kontanti wara li tkissret il-ħġieġa tal-bieb. Dakinhar, kienu l-Pulizija li għall-ħabta tal-11.15pm kienu għaddejjin bir-ronda u nnutaw l-isgass u l-possibbiltà ta’ serq.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.